Issa tista’ ttella’ stessu fuq Kemmuna immedjatament

Jekk tieħu stessu fuq Kemmuna issa tista’ ttellgħu fuqi l-midja soċjali dak il-ħin.
Dan hekk kif f’Kemmuna tnieda servizz ġdid ta’ Wi-Fi fil-bajja ta’ Santa Marija li issa se jiġi estiż ukoll għall-Blue Lagoon.
B’hekk issa Kemmuna wkoll saret diġitalment aċċessibbli u kull min iżur din il-gżira se jkollu aċċess aktar mifrux għad-dinja tal-informatika online.
Il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana saħqet fuq l-importanza tat-teknoloġija fid-dinja tal-lum, fejn kulħadd irid iżomm ruħu aġġornat fuq siti ta’ aħbarijiet jew siti soċjali varji, u qalet li dan kien il-pass li jmiss biex Kemmuna tkun konnessa diġitalment b’mod aktar attiv. 
Fl-istess żjara, il-Ministru għal Għawdex żaret ukoll siti fejn sar xogħol ta’ tindif estensiv li sar fil-bajjiet ewlenin ta’ Kemmuna.
Fost dan ix-xogħol li sar kien hemm tindif tal-bajja mill-alka u ħaxix ieħor tal-baħar, introduzzjoni ta’ roping biex jipproteġu s-sand dunes, u xogħol ieħor relatat mat-tindif u ż-żamma tal-indafa fuq il-bajja. 
Sadanittant fil‑ġimgħat li għaddew l‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Riżorsi (l‑ERA) u l‑PARKs kienu għaddejjin b’ħidma intensiva biex tittejjeb is‑sostenibbiltà tal‑wirt naturali li għandna f’Kemmuna. 
Bil‑kollaborazzjoni tal‑Wasteserv Malta, sar ukoll tindif biex jitneħħa żibel li ntefa’ f’dawn il‑postijiet f’dawn l‑aħħar snin. L‑ERA ħadet din l‑opportunità biex flimkien mal‑PARKs isiru xi azzjonijiet oħra li minnhom tista’ tgawdi Kemmuna u l‑ambjent tagħha.