Issa tista’ tibda tivvjaġġa lejn il-Qatar b’mod dirett

Beda uffiċjalment is-servizz ta’ Qatar Airways bejn Malta u Doha, il-Belt Kapitali ta’ Qatar. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat li l-Qatar Airways se tkun qed topera din it-titjira minn Malta għal Doha kuljum fix-xhur tas-sajf u erba’ titjiriet fil-ġimgħa fix-xhur tax-xitwa.

Fi stqarrija mill-Qatar Airways ġie spjegat li t-titjira se tkun operata b’ajruplan tal-għamla Airbus A320 bil-kodiċi tat-titjira jkun QR383. It-titjira ġiet milqugħa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’salut tal-ilma waqt il-wasla tagħha. Dan ġie segwit minn ċerimonja ta’ merħba miċ-Charger d’Affaires tal-Istat tal-Qatar f’Malta, il-Ministru għat-Turiżmu u s-Senior Vice President tal-Ewropa ta’ Qatar Airways.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li din it-titjira long haul tikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern għall-avjazzjoni, dik li Malta tiżviluppa ruħha bħala hub tal-avjazzjoni f’nofs il-Mediterran.

Il-Ministru għal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li dawn it-titjiriet se jagħtu l-possibbiltà ta’ kuntatti akbar bejn in-nies, b’aktar turisti u vjaġġaturi li jiċċaqilqu bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Qatar Airways spjega li s-servizzi diretti l-ġodda għal Malta se jkunu operati b’ajruplan bi 12 il-sedil fil-business class u 120 sedil fl-economy class. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn Malta se jkollhom aċċess ukoll għal Oryx One, is-sistema ta’ divertiment li toffri l-aħħar films blockbuster, TV box sets, mużika, logħob u ħafna aktar.