Issa tista’ tħallas bil-plastik fuq it-trasport pubbliku f’Ruma

Dawk li jużaw it-trasport pubbliku f’Ruma issa jistgħu jakkwistaw 5ċ li jmur fuq il-prezz tal-biljett għal kull flixkun tal-plastik li jirriċiklaw f’magni apposta li tpoġġew madwar l-istazzjonijiet tal-Metro. S’issa tpoġġew tliet magni minn dawn biex jippruvaw is-sistema li taħdem billi jkun skenjat il-mobajl ta’ dak li jkun.

Resident mill-belt qal li din hija aħbar tajba għall-belt imma jaħseb li dalwaqt se jibdew jinġemgħu ħafna kjus u allura hemm bżonn li jiżdiedu ħafna minn dawn it-tip ta’ magni. Dawk li jaqbdu t-tren fl-istazzjon Termini, pereżempju, jistgħu jħallsu l-vjaġġ bi 30 flixkun.

Skond l-ATAC, l-Awtorità tat-trasport ta’ Ruma, il-5ċ imorru fil-kont ta’ My Cicero jew Tabnet li huma sħab magħhom fil-proġett.

Paolo Simioni, il-President tal-ATAC, qal li “waqt li llum nitkellmu dwar il-flus crypto, jaqbel li niftakru li għandna l-flus mill-plastik. Aħna qed ngħinu biex niġbru l-pastik mormi u nirriċiklawh u fl-istess waqt ngħinu lill-klijenti tagħna.”

Il-poplu Ruman jidher li laqa’ bi ħġaru dan il-proġett iżda bħalma ntqal qabel, żgur li m’hemmx magni biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda li mistennija li jkun hemm.