Applikazzjonijiet għall-eżami tal-liċenzja tas-sewqan issa offruti online

Read in English.

Transport Malta qed tniedi portal online sabiex dawk li jkunu jridu japplikaw għal permess biex jitgħallmu kif isuqu, jew għall-eżami tal-liċenzja tas-sewqan, ikunu jistgħu jagħmlu da mingħajr ma jmorru fl-uffiċini tal-awtorità.

Dan il-portal hu mistenni jiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni u għandu jnaqqas il-bżonn li l-applikanti jimlew formoli fiżiċi jew li jmorru personalment fl-uffiċini. Skejjel tas-sewqan u tobba mediċi se jkollhom ukoll il-faċilità li jaċċessaw dan il-portal sabiex japplikaw, jiċċertifikaw jew jissottomettu kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja f’isem l-applikant. 

L-istudenti issa jistgħu japplikaw online wkoll biex jagħmlu l-eżami tat-teorija. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Transport Malta ħabbret li, wara xi ġimgħat weqfin minħabba l-imxija tal-Covid-19, it-testijiet tat-teorija u tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan jistgħu jkomplu, b’għadd ta’ prekawzjonijiet ġodda. L-istudenti issa jistgħu jagħmlu l-eżami tat-teorija biss wara li jibbukkjaw, mentri qabel setgħu jmorru jagħmluh mingħajr appuntament.

L-eżamijiet tat-teorija se jibdew isiru minn bini ġdid fi Triq Nazzjonali, il-Ħamrun. Il-bini huwa iktar spazjuż u jipprovdi l-faċilitajiet kollha biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-eżami b’moħħhom mistrieħ, qalet Transport Malta. Il-bini jimxi mal-linji gwida mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jitnaqqas ir-riskju tal-imxija. L-istudenti li jixtiequ jibbukkjaw l-eżami tat-teorija jistgħu iċemplu fuq 21227190 jew iżuru s-sit elettroniku. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn