Issa tista’ tagħmel pagamenti ta’ €50 bil-contactless cards

Aġġornat 09:03 PM

Il-kumpanija Global Payments ħabbret li l-Point of Sale (PoS) Terminals tagħha se jibdew jaċċettaw pagamenti sa massimu ta’ €50 permezz ta’ karti tal-kreditu contactless.

Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat li b’dan il-mod, hi qed tara li titnaqqas l-imxija tal-COVID-19 fil-pajjiż. Dan hekk kif klijenti li jonfqu sa massimu ta’ €50, issa ma jkollhomx bżonn imissu l-magni biex idaħħlu l-pin tal-card tagħhom. Kull ma jkollhom bżonn jagħmlu huwa li jmissu l-karta ta’ kreditu mal-PoS Terminal u l-pagament jgħaddi b’mod awtomatiku. Ovvjament, dan il-pagament jista’ jsir biss minn dawk li għandhom karti tal-kreditu li huma contactless.

Il-kumpanija qalet li dan il-limitu ġdid huwa ideali għal dawk in-negozji kollha li bħalissa qed iwasslu s-servizzi u l-prodotti tagħhom permezz ta’ sistema ta’ deliveries.

Intant, il-kumpanija talbet lill-klijenti tagħha li huma magħluqin sabiex meta jerġgħu jiftħu jikkuntattjawha fuq 22265656 sabiex huma wkoll jibbenefikaw minn dan il-limitu ġdid.

Il-BOV iżid il-limitu tal-pagamenti li jsiru bl-app

B’effett immedjat, il-Bank of Valletta qed iżid il-limitu tal-ammont totali ta’ pagamenti li jistgħu jsiru kuljum minn mowbajl għal ieħor permezz tal-app BOV Mobile minn €500 għal €1,000.

Għadaqstant, il-klijenti issa jistgħu jħallsu sa €1,000 kuljum, sempliċiment billi jibagħtu pagamenti mill-mowbajl tagħhom lil persuni oħra li jinsabu fil-lista tal-kuntatti tagħhom fuq il-mowbajl u li għandhom is-servizz tal-BOV Mobile attivat.

Permezz tas-servizz ‘BOV Mobile to Mobile Payments’, wieħed m’għandux għalfejn juża flus kontanti u l-pagamenti jgħaddu b’mod immedjat, sigur u direttament fil-kont ta’ min qed jirċievi l-ħlas.