Issa tista’ tadotta siġra f’Għawdex

MGOZ - George Scerri

Il-Ministeru għal Għawdex nieda inizjattiva bl-isem ta’ “Adotta Siġra” bil-għan li titkattar il-kultura li jitħawlu aktar siġar f’postijiet adattati.

Fi stqarrija mill-Ministeru ġie spjegat li wieħed se jkun jista’ jadotta siġra endemika u jħawwilha f’ġonna u postijiet addattati sa nhar il-Ħadd 3 ta’ Frar.

Propju f’Jum is-Siġar, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat ukoll ġnien iddedikat għall-familja, bl-isem ta’ “Il-Ġnien ta’ Sopu”. Dan jinsab fil-limiti tan-Nadur u fih ġew imħawla aktar minn 4,000 siġra u arbuxella. Il-ġnien qed ikopri medda ta’ 20 tomna art u ħa post barriera antika li kienet saret lok għall-abbuż.

“Studenti jħawlu mas-600 siġra u arbuxella”

Intant f’Malta, il-Ministeru għall-Ambjent qed ikompli jagħti s-sapport tiegħu lil Nature Trust sabiex testendi l-iskema Tree Your Town. Permezz ta’ din l-iskema, s’issa tħawlu mas-600 siġra u arbuxella minn studenti ġejjin minn 14-il skola differenti. Il-Ministeru għamel l-għotja ta’ €8,000.

Il-Ministru José Herrera saħaq dwar l-importanza li l-istudenti jinvolvu ruħhom minn età żgħira fil-ħarsien u l-preservazzjoni tal-bijodiversità.

Bħala parti mill-attivita f’Jum is-Siġar, ġew imħawla 40 siġra u arbuxella, kif ukoll ġie inawgurat il-proġett tal-Indeginous Tree Nursery, li issa se jkun qed jaħdem b’enerġija solari.

Jekk trid tadotta siġra f’Għawdex agħfas hawn.