Issa tista’ ssib l-imħabba ta’ ħajtek fuq Facebook

…Wara kollox Facebook jafek aktar milli taf lilek innifsek.
Fl-1 ta’ Mejju, Facebook ħabbar li issa se jibda joffri servizz ġdid, mezz sabiex jgħinek issib l-imħabba ta’ ħajtek. 
Il-kofundatur ta' Facebook Mark Zuckerberg qal li dan is-servizz inħoloq biex jibni relazzjonijiet fit-tul, mhux biss biex issib ma’ min tiltaqa. 
Jekk tixtieq tagħmel użu minn dan is-servizz, kulma trid tagħmel huwa li tagħfas is-simbolu tal-qalb li wieħed isib fuq il-profil tiegħu, u minn hemm jieħdok għall-parti l-ġdida fejn tista’ tpoġġi aktar informazzjoni dwarek. Meta tifforma dan, Facebook jlaqqgħek ma’ utenti oħra li mhumiex diġà ‘ħbieb’ tiegħek fuq Facebook. 
Iżda kemm hija l-possibbiltà li tkun imlaqqa' ma’ persuna li veru għandha aspetti komuni? Skont studju li kien sar bejn l-Università ta’ Stanford u l-Università ta’ Cambridge, id-data li Facebook għandu fuqek tista’ tintuża biex tifhem il-personalità ta’ dak li jkun ferm aħjar milli ssir taf dwaru jew dwarha minn xi qraba jew ħbieb. Xjentist li jaħdem f’Facebook qal ukoll li hu kapaċi jbassar liema relazzjonijiet bejn l-utenti ta’ Facebook għandhom il-potenzjal idumu fit-tul. 
Dan is-servizz mistenni jkun disponibbli fil-jiem li ġejjin.