“Issa nafu min kien l-Uffiċjal Għoli tal-PBS” – PL

Il-kelliem Laburista għall-Media, Soċjetà Ċivili u Animal Welfare, Gino Cauchi qal fi stqarrija li l-PBS qed jilgħab parti importanti minn dik li sejħilha l-magna tal-Partit Nazzjonalista.

Il-komunikat kompla jgħid li wara diversi jiem li l-Partit Laburista esiġa li jsir jaf min kien dak l-uffiċjal għoli tal-PBS li kien allegatament preżenti f’laqgħa li saret bejnu, Dr Franco Debono u Dr Lawrence Gonzi. Żied li issa kien ikkonfermat li dan kien il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard. L-istqarrija kompliet tgħid li Anton Attard, eks Kap Eżekuttiv ta’ Net TV u persuna li kien jifforma parti mit-tim ta’ strateġija tal-PN qabel l-elezzjoni tal-2008, kien fid-dmir u fid-dover li jara li ma jħallix lilu nnifsu jiġi involut f’ħidma partiġġjana politikament, u dan fl-aħjar interess tal-imparzjalità tal-azjenda nazzjonali li ġiet fdata fit-tmexxija tiegħu.

Il-komunikat temm jgħid li dan kollu juri biċ-ċar kif il-Partit Nazzjonalista qed juża bla skruplu ta’ xejn il-PBS għall-finijiet partiġġjani tiegħu u jitfa’ dawl fuq l-attitudni partiġġjana li qed tkun segwita f’diversi produzzjonijiet li jixxandru fuq il-PBS immexxi mis-Sur Anton Attard.