Filmat: “Issa l-Ministru se jiddieċiedi min jgħix u min imut” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li huma inaċċettabbli l-emendi pproposti mill-Gvern dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, li mistennija jgħaddu llejla fil-Parlament.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, Dr Delia sostna li issa l-Ministru għas-Saħħa għandu l-poter jiddeċiedi min jgħix u min jmut.

Fi kliem Delia, il-Gvern li jiftaħar li jilleġiżla favur l-ugwaljanza qed jagħżel li joħloq l-ingwaljanza qabel it-twelid. Żied jgħid li minbarra li se jkun hemm expiry date fuq il-ħajja, din il-liġi se toħloq l-orfni. Sostna li l-Gvern qed jinsisti li joħloq stat bla ruħ.

“Jekk ikun hemm referendum il-PN jibqa’ favur il-ħajja”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jekk jkun hemm referendum abbrogattiv, il-Partit Nazzjonalista se jappoġġja inzjattivi favur il-ħajja.  Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti Dr Delia saħaq li jrid jara t-teknikalitajiet tal-mistoqsija f’każ li jsir referendum, biex ikun jista’ jwieġeb kif se jivvota.

Stieden lill-Prim Ministru jagħti l-vot ħieles lid-deputati tiegħu kif mistennija tagħmel l-Oppożizzjoni.

Persuni mill-għaqdiet favur il-ħajja llejla nġabru quddiem il-Parlament b’kartelluni f’idejhom.