Issa l-Air Malta se tibda tieħdok l-Ukrajna wkoll

L-Air Malta ħabbret li se tibda toffri vjaġġ lejn Kiev, il-kapitali Ukrena, darba fil-ġimgħa nhar ta’ Tlieta.
Dan il-vjaġġ tħabbar waqt żjara statali lejn il-belt kapital tal-Ukrajna mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, f’Ottubru li għadda, u se joffri vjaġġar mingħajr viża kemm lill-viżitaturi Ukreni kif ukoll lit-turisti Maltin li jixtiequ jesploraw dan il-pajjiż.
Il-Kap Uffiċjali Kummerċjali, is-Sur Paul Sies qal li bl-introduzzjoni ta’ din ir-rotta, qed jiżdiedu s-servizzi tal-kumpanija lejn il-Lvant tal-Ewropa u dan se jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-reġjun.
“Dan huwa suq ġdid li se jistimula aktar traffiku tal-passiġġieri bejn iż-żewġ pajjiżi. Din l-ahbar tajba hija kisba oħra mill-Air Malta li qiegħda tkompli tespandi għall-benefiċċju tal-industrija tat-turiżmu lokali, u l-poplu tal-gżejjer Maltin se jkollu aktar opportunitajiet sabiex jiskopri destinazzjonijiet ġodda”, kienu l-kummenti ta’ Sies.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Airmalta, Charles Mangion, qal li r-rotta lejn Kiev hija waħda minn 15 oħra li diġà tħabbru, u qal li ntlaqgħet tajjeb ħafna flimkien mat-33 destinazzjoni l-oħra li l-kumpanija se tkun qed topera das-sajf.
“Il-linja tal-ajru għandha skeda ambizzjuża li se tinvolvi l-operazzjoni ta’ 4,155 titjira aktar mis-sena ta’ qabel, jiġifieri żieda ta’ 30%”, temm jgħid Mangion.