“Issa jmiss ir-riformi fl-Air Malta” – Joseph Muscat

Waqt intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li wara r-riformi li saru fl-enerġija u s-suq tax-xogħol, imiss riformi fl-Air Malta biex tiġi fuq sisien sodi kif ukoll riforma soċjali oħra, biex dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà jħossu aktar it-tkabbir ekonomiku.
Dr Joseph Muscat rrefera għal miżuri li daħlu fis-seħħ mill-bidu tas-sena ‘l hawn, fosthom iż-żieda fil-pensjonjiet, tnaqqis bin-nofs tat-taxxa tal-boll għal min jixtri propjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana u għal-liċenzja tal-muturi 125cc li niżlet għal €10.
Irrefera wkoll għat-tnaqqis fl-income tax u taż-żejt, allowance doppju għall-membri tal-Forzi Armati, tnaqqis fit-taxxa għal extra duties li jagħmlu l-pulizija, u t-tnaqqis fit-taxxa għal attivitjiet sportivi.
F’referenza għall-qasam tas-saħħa, il-Prim Ministru qal li matul is-sena li għaddiet, għal sitt xhur sħaħ ma kienx hemm mediċini out of stock.
Fakkar illi llum m’hemmx lista ta’ stennija għal xi operazzjonijiet tal-qalb u li qed jinqatgħu l-listi għall-operazzjonijiet tal-kataretti, filwaqt li hemm numru ta’ operazzjonijiet oħra fejn il-waiting list qed tonqos drastikament.
Semma li fil-każ tat-Taqsima tal-Emerġenza, il-ħin ta’ stennija naqas għal inqas minn 3 sigħat, Dr Muscat irrikonoxxa li fadal xi jsir fuq listi ta’ stennija oħra għall-operazzjonijiet bħal dawk relatati mal-għadam.
Dwar l-investiment privat, Dr Muscat qal “li l-Oppożizzjoni hija kontrih, għax tkellmet kemm-il darba kontrih u wieħed jittama li tkun riveduta din il-pożizzjoni, ħalli jkollna sptar ġdid f’Għawdex u sptar San Luqa li se jkun imtejjeb u li se jkun ta’ livell għoli”.
Matul l-intervista, Dr Muscat fakkar li “l-familji u n-negozji qed jirċievu kont tad-dawl realistiku li permezz tiegħu jistgħu jlaħħqu u jinvestu”.
Il-Prim Ministru qal li r-rata tal-qgħad hija ta’ 5%, it-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha.