Issa għandek iċ-ċans li titkellem mal-kelb tiegħek!

Hija x-xewqa ta’ kull min għandu xi kelb, li jkollu konverżazzjoni mal-kelb tiegħu.
Issa, għandu ċ-ċans! B’kullar teknoloġiku u app, din il-ħolma tista’ ssir realtà.
Fetch.co.uk, li nediet l-ewwel ċentru teknoloġiku għall-annimali, ħolqot app bl-isem WhatsYapp. Ħafna huma dawk li qed jassoċjaw l-isem mal-app WhatsApp. Id-differenza hi li WhatsYapp inħolqot speċifikament għall-klieb.
Is-sistema tal-app tanalizza n-nebħa, ħsejjes oħra u l-movimenti li jagħmel il-kelb. Permezz ta’ kullar teknoloġiku, dawn jiġu mibdula fi kliem, bħal “hemm xi ħadd wara l-bieb” jew “imxi ħa mmorru mixja.”
Il-kullar se jkun imqabbad mal-app ta’ smartphone, possibbilment b’konnessjoni mal-Bluetooth, biex il-messaġġi jidhru fl-app.
Il-kumpanija stqarret li “l-viżjoni tagħna hi, li din l-għodda tgħolli r-relazzjoni ta’ bejn il-kelb u s-sid fuq livell iżjed profond.”
Barra minn hekk, ħolqot żewġ kunċetti oħra, li jinkludu CatQuest, logħba 3D li taħdem permezz ta’ app. Il-logħba se tinkludi lejżer li turi d-disinji fuq l-art biex il-qtates jirreaġixxu għalihom. Il-logħba se tinkludi wkoll kamera tal-filmati biex tirrikonoxxi l-annimali.