Issa fiċ-ċert: Ed Sheeran u Cherry Seaborn iżżewġu

Fl-aħħar jista’ jingħad b’ċertezza li l-kantant Ingliż Ed Sheeran hu miżżewweġ lil Cherry Seaborn. Il-kantant qatt ma lissen fil-pubbliku dan il-fatt imma lbieraħ il-Ġimgħa semma lil martu waqt dehra li għamel waqt il-programm fuq il-Charlamagne The God’s YouTube Channel.

Waqt dan il-programm Sheeran kien qed iniedi l-aktar album riċenti tiegħu, No.6 Collaboration Project.

L-aħbar minn Ed Sheeran, ta’ 26 sena, ħarbitlu meta Charlamagne staqsih dwar il-lirika tal-kanzunetta Remember the Name meta Sheeran ikanta “Watch how the lyrics in the songs might get twisted/ My wife wears red, but looks better without the lipstick.”

Ed Sheeran wieġeb li l-kliem inkiteb qabel hu u Cherry, ta’ 25 sena, iżżewġu imma “konna nafu li sakemm toħroġ id-diska nkunu lħaqna żżewwiġna. U żgur li kien se jkun hemm xi ħadd li jgħid, ‘Ara, żżewġu!’”

Fi Frar ta’ din is-sena l-ġurnal The Sun kien ħabbar li l-kantant kien iżżewweġ f’Diċembru tas-sena l-oħra f’Suffolk, l-Ingiltera. Irrapurtaw li kienu mistednin 40 ruħ biss u kollox kien inżamm sigriet. Kulma kienu mistiedna kienu dawk tal-familja, xi ħbieb tal-kantant miż-żmien tal-iskola u l-qassis.

Ed Sheeran kien ħabbar li tgħarras lil Cherry Seaborn, plejer tal-hockey, f’Jannar tas-sena li għaddiet.