“Issa denbek bejn saqajk u lura lejn it-toqba” Tal-Brikkuni lil Jason Micallef

Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef spiċċa f’battibekk fuq Facebook mal-kantant tal-grupp Brikkuni, Mario Vella.
Kollox beda wara li Vella rringrazzja lill-fans tiegħu fuq Facebook wara li pparteċipa fil-festival Earth Garden. F’kumment, Jason Micallef qal li jieħu gost jara li dawk li jgħajjru lill-Fondazzjoni tal-V18 jieħdu sehem f’attivitajiet li għandhom l-appoġġ finanzjarju tal-istess Fondazzjoni.
Vella qal li diġà kien ta kelmtu li se jipparteċipa fil-festival qabel ma dan “iċċappas” mal-V18. Qal li mhux se jkun qed jerġa’ jieħu sehem fil-festival Earth Garden sentejn oħra jekk dan ikompli jassoċja ruħu mal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Għal dan Micallef wieġeb li Vella qed igawdi minn Earth Garden minkejja l-“attakki” tiegħu “lejn is-suċċess ta’ Valletta 2018”.
Il-kantant wieġeb li l-festival ma kellux bżonn lil Jason Micallef biex ikun suċċess. Ikkritika l-legat li se jkun qed iħalli warajh Micallef fil-kultura Maltija. Temm jgħidlu “issa denbek bejn saqajk u lura lejn it-toqba li minna ħriġt”.