“Issa ċ-ċans li nuru x’issarraf Ewropa magħquda” – Simon Busuttil

Fl-indirizz tiegħu waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem dwar l-immigrazzjoni. Huwa saħaq li l-ħitan ma jwaqqfux biss lil persuni qed jippruvaw jidħlu f’pajjiż, imma anke liċ-ċittadini tal-pajjiż milli joħorġu.
Tenna li għall-kriżi tal-immigrazzjoni, l-Ewropa trid tagħżel li jew taħdem flimkien jew le. Saħaq li issa huwa ċ-ċans biex l-Ewropa turi li flimkien jistgħu jingħelbu l-isfidi.
Busuttil semma l-bżonn ta’ politika li tagħmel differenza vera fis-Sirja, Libja u t-Turkija. Tenna, iżda, li hija responsabilità tagħna li ngħinu lil dawk li jaslu fl-Ewropa.
Fakkar li din hija sfida diffiċli, iżda li ġġib benefiċċju, għax turi x’tista’ tikseb Ewropa magħquda.