Issa b’25 ventilator għall-Isptar t’Għawdex – Steward

Read in English.

Steward Health Care Malta żiedet in-numru ta’ ventilators fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn 15 għal 25.

Skont l-istqarrija, il-ventilators huma parti minn programm ta’ investiment ta’ €6 miljun li Steward impenjat ruħha għalih fl-2020 biex tilqa’ għall-pandemija tal-COVID-19 fl-isptarijiet ta’ Għawdex u Karin Grech.

L-ispejjeż diretti relatati mal-COVID-19 li għamlet Steward Malta jinkludu żieda fil-ħaddiema, provvisti bħal Tagħmir ta’ Protezzjoni Personali (PPEs), u investiment fl-infrastruttura u fl-impjant li jħarsu lill-pazjenti. Fost l-ispejjeż kritiċi li saru, kien hemm il-ventilators l-imsemmija, monitors u magni tal-ossiġnu, żewġ magni speċjalizzati tal-kliewi u l-installazzjoni ta’ riserva ta’ ossiġnu likwidu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Barra minn hekk, Steward Malta investiet fil-modifiki tal-faċilitajiet tagħha f’Għawdex u f’Malta biex takkomoda l-bidliet fid-domandi tal-pazjenti u fil-ħidma ta’ kuljum minħabba l-COVID-19. Dan wassal għal xogħol fi tliet swali fl-Isptar Karin Grech biex jintużaw għal skopijiet ġodda. Tlestiet sala ġdida bi 28 sodda b’sistemi ta’ negative pressure u tibdil ta’ l-arja għall-kura tal-pazjenti li jinstabu pożittivi għall-COVID-19.

Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Steward ħasbet għal 145 sodda għall-kura tal-COVID-19, li 25 minnhom kienu sodod għall-kura intensiva, kif ukoll Dipartiment tal-Emerġenza apposta għall-każi tal-COVID-19. F’dawn il-postijiet kollha twaħħlu sistemi ta’ negative għas-sigurtà tal-pazjenti u tal-ħaddiema.