Issa anke l-mużiċisti għandhom ftehim settorjali ġdid

Il-Mużiċisti lokali li jagħmlu parti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għadhom kemm ingħataw żieda fil-paga u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar permezz ta’ iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid.
Skont stqarrija mill-Ministeru għall-Kultura, il-ftehim kollettiv jinkludi klawsoli li qegħdin hemm biex iħeġġu lill-mużiċisti li jagħmlu parti mill-Orkestra Filarmonika jipparteċipaw f’inizjattivi lil hinn mill-orkestra, speċjalment fejn hemm ċans ta’ rappreżentazzjoni Maltija fi proġetti individwali.
Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika, Sigmund Mifsud u mill-unjin tal-mużiċisti.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-ftehim se jkun qed jagħti l-identità mistħoqqa lill-professjoni tal-mużiċisti f’Malta u nsista li se jkun qed iżid il-professjonalità fis-settur.
L-għan tal-Orkestra Filarmonika huwa dak li tħeġġeġ mużiċisti Maltin idawwru l-passjoni mużikali tagħhom f’karriera full-time u għalhekk nediet ukoll skema ta’ apprentistat bi ħlas.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut