“Issa aħna l-anzjani x’se nagħmlu?” – klijent tal-HSBC tal-Ħamrun

Read in English.

Anzjan li jagħmel użu mis-servizz tal-fergħa tal-HSBC fil-Ħamrun tkellem dwar l-inkwiet tiegħu u ta’ anzjani oħrajn li mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu użu mill-fergħa wara li tingħalaq.

Newsbook.com.mt mar fiż-żona ta’ waħda mill-fergħat li HSBC Malta p.l.c. ħabbar li se tkun qed tingħalaq sal-aħħar tal-2019. Hemmhekk tkellem ma’ għadd ta’ persuni li huma kljenti tal-bank u li esprimew it-tħassib tagħhom dwar x’se jiġri wara l-għeluq tiegħu.

Anzjan ieħor beda jħabbat mal-bieb tal-HSBC bit-tama li jiftaħlu xi ħadd biex jistaqsi dwar x’se jiġri wara l-għeluq. Dan seħħ f’ħin meta l-bank kien diġà temm il-ġurnata tax-xogħol u għaldaqstant ħadd ma fetaħ lill-klijent.

Aqra: Aġġornata: HSBC se jagħlaq 9 fergħat

Hu tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega li ilu klijent tal-bank għal snin twal. Qal li fil-Ħamrun hemm għexieren ta’ persuni li huma anzjani u jmorru fil-fergħa tal-bank sabiex isarrfu l-pensjoni tagħhom. Hu staqsa “issa aħna l-anzjani x’se nagħmlu?”

Klijent ieħor tal-bank sostna ma’ Newsbook.com.mt li l-bank kien għadu ma għarrfux b’mod uffiċjali dwar l-għeluq tal-fergħat, minkejja li hu kien klijent dirett ta’ wieħed minnhom. Mistoqsi kif l-għeluq tal-fergħa se taffettwah b’mod personali, ir-raġel spjega li jkollu jibda jmur xi mkien ieħor.

Intant, klijent ieħor qal li l-għeluq tal-fergħa tal-Ħamrun se taffettwah ħażin. Sostna li l-klijenti għandhom bżonn is-servizzi tal-bank. Spjega li diġà ngħalqu oħrajn. Qal li huwa minnu li bl-ATM wieħed jinqeda u jagħmel ċertu xogħol, imma hemm bżonn preżenza speċjalment minħabba appuntamenti li s-soltu kien ikollhom il-klijenti tal-bank. “Jekk il-bank qed inaqqas dawn is-servizzi lejn il-klijenti, jien jidhirli li qed jonqos lill-poplu Malti,” kompla jgħid. Insista li l-bank qed jagħmel iżjed profitti filwaqt li jkompli jagħlaq il-fergħat. Qal li deċiżjonijiet bħal dawn ma jħallulux għażliet oħrajn ħlief li jibdel il-bank.

Il-Bank HSBC dalgħodu ħabbar li se jkun qed jagħlaq il-fergħat tiegħu fi tmien lokalitajiet madwar Malta. Il-fergħat li se jingħalqu huma dawk ta’ Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Il-bank se jkun qed iżomm is-servizz ta’ ATM u deposit machines f’dawn il-lokalitajiet. Intant, il-fergħat ta’ Ħal Balzan u ta’ Ħal Qormi se jingħalqu wkoll u s-servizzi tagħhom se jiġu trasferti għal fergħa innovattiva fl-uffiċċju prinċipali tal-bank f’Ħal Qormi.

Il-bank spjega li dan kollu ġie wara li ħadem fuq pjan strateġiku ġdid ibbażat fuq il-bżonnijiet bankarji tal-klijenti fid-dinja tal-lum.