Israel ma joħroġx permessi għall-insara f’Gaza fil-Milied

L-insara f'Gaza m'għandhomx permess iżuru Betlehem fil-Milied

L-informzzjoni u l-indikazzjonijiet kollha juru li f’dawn l-aħħa snin kien hemm żjieda qawwija fin-numru ta’ Pellegrini u turisti minn madwar id-dinja li fi żmien il-Milied iżuru Ġerusalemm u Betlehem biex jaraw il-postijiet qaddisa.

Iżda din is-sena,  fost dawk il-ħafna li se jiċċelebraw il-festi tal-Milied fil-post fejn twieled Ġesù Bambin, għex, miet u reġa’ rxoxta mhux se jkunu hemm insara fl-Istrixxa ta’ Gaza.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-awtoritajiet ta’ Israel ħabbru li l-Palestinjani mgħammda se jingħataw permess biss biex isiefru min-naħa tal-Ġordan iżda ħadd minnhom m’hu se jitħalla jidħol f’Israel jew ix-Xatt tal-Punent biex jgħaddi hem mil-Milied f’pstijiet insara qaddisa.

Sigurtà

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, kelliema għall-Uffiċċju tal-Militar ta’ Israel iġġustifikat din id-deċiżjoni billi qalet li dan qed isir għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Il-pass meħud din is-sena mill-awtoritajiet Israeljani hu pass ieħor fi process ta’ restrizzjoni fuq is-snin l-imgħoddija f’dawn iż-żminijiet. Fl-aħħar snin, l-awtoritajiet ta’ Israel kien hemm snin meta taw numru ta’ permessi lill-insara f’Gaza li xtaqu jmorru Betlehem, Nazareth jew Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Milied jew fil-festi tal-Għid.

Imma s-sena l-oħra dawn il-permessi kienu limitati ħafna u l-ftit li ngħataw kien għal nies ta’ ‘l fuq minn 55 sena.

Projbizzjonijiet

F’Diċembru tal-2015 kienu ngħataw 600 permess lil daqstant insara li jgħixu fl-Istrixxa ta’ Gaza biex fil-Milied imorru jżuru l-postijiet sagri fosthom Betlehem.  Dawk il-permessi kienu validi għal xahar iżda ebda wieħed ma’ kien ingħata lil persuni fl-età bejn 12 u 30 sena.

Illum, l-insara li jgħixu f’Gaza huma biss madwar 1,000 persuna li l-parti l-kbira minnhom huma Ortodossi Griegi minn total ta’ 2 miljuni Palestinjan.  Il-komunità nisranija żgħira f’dan il-post qed tkompli tonqos. Iż-żgħażagħ li jirnexxu jitilqu mill-art fejn twieldu u jemigraw filwaqt li fil-knejjes spiss isiru funerali ta’ dawk l-anzjani li jmutu.

Il-fatt li ħafna qed jitilqu juri li ħadd ma jemmen li se jkun hemm xi bidla fis-sitwazzjoni fil-futur qrib u minflok il-poplu jħossu iżolat internazzjonalment, b’nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u t-theddida dejjem imdendla ta gwerer ġodda.