Isqof Venezuelan jikkundanna l-oppressjoni tar-reġim

L-Arċisqof Diego Padron Sanchez, President tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela, waqt li kien qed jindirizza isqfijiet oħra fil-pajjiż fil-laqgħa tas-sajf li jkollhom bejniethom qal li l-Ispirtu s-Santu kien qed jaħdem f’pajjiżhom u wassal biex l-insara jitolbu u jaqsmu ħwejjiġhom flimkien fiż-żmien tal-kriżi nazzjonali li għaddej minnha l-pajjiż.
Hu faħħar ix-xogħol tal-Caritas li qed tipprovdi ikel u kura medika lill-popolazzjoni.
L-Arċisqof saħaq li l-Knisja ma tridx tidħol fil-politika partiġġjana u fil-fatt f’laqgħa li kellhom mal-Qdusija Tiegħu l-Papa fil-Vatikan ftit ġimgħat ilu, hu u l-isqfijiet sħabu qalulu li fil-pajjiż il-konflitt mhux wieħed ideoloġiku ejn ix-xellug u l-lemin imma sar wieħed bejn Gvern dittatorjali li jaqdi biss l-interessi tiegħu u l-bqija tal-poplu li jrid il-ħelsien veru.
Padron Sanchez kompla jgħid li l-Isqfiiet qalu wkoll lill-Papa li l-għajta tar-reġim tal-President Maduro li jrid jagħmel kostituzzjoni ġdida se twassal  biex  tagħti saħħa kostituzzjonali lid-dittatura militari Marxista u Komunista tiegħu li żgur tħalli effetti negattivi serji fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
L-Arċisqof Padron temm jgħid li anke meta Kristu raqad fid-dgħajsa, id-dixxiplini ma kellix tonqoshom il-fidi, għax qalbu hi mimlija mħabba għan-nies tiegħu. U hekk qed jagħmel Kristu llum mal-poplu Venezuelan.
Il-Venezuela bħalissa qed tiffaċċja kriżi politika kbira li wasslet biex eluf ta’ nies niżlu fit-toroq madwar il-pajjiż kollu jipprotestaw, liema protesti wasslu biex inqatlu numru ta’ persuni. Il-kriżi wasslet ukoll għal nuqqas serju ta’ ikel u mediċinali fil-pajjiż.