Isqof Ungeriż jitlob biex refuġjati jkunu trattati b’mod uman

Isqof Ungeriż organizza petizzjoni li titlob li pajjiżu josserva l-valuri ta’ “soċjeta’ umana”, wara li fin-Nofsinhar tal-pajjiż kienu attakkati faċilitajiet li jilqgħu t-tfal tar-refuġjati.
“Hu fl-interess komuni tagħna li nipproteġu l-fruntieri tal-pajjiż billi nkunu nafu min se jiġi jaqsam ħajtu magħna, imma hu wkoll fl-interess tagħna li nipproteġu l-fruntieri ta’ soċjeta’ umana”,qal l-Isqof Miklos Beer. “Ixxukkjajjna ruħna meta dan l-aħħar rajna fejn jistgħu jwasslu x-xenofobija u n-nuqqas ta’ ftehim u kif valuri ewlenin jistgħu jinbidlu f’daqqa waħda f’aggressjoni u biża’ meta rajna ċittadini li normalment paċifiċi spiċċaw fi ġlied bi skieken u ġebel”, qal l-Isqof.
Il-petizzjoni qed tkun ċirkolata mill-Isqof Beer u l-lajk kattoliku Istvan Gegeny wara li residenti mill-belt ta’  Ocseny attakkaw uffiċjali lokali u sfurzaw lis-sindku biex jirriżenja għax aċċettaw talba mill-organizazzjoni Migration Aid, biex jagħtu kenn temporanju lill-grupp ta’ refuġjati tfal u lill-ommijiethom.
Il-Prim Ministru Ungeriż, Victor Orban qal lill-ġurnalisti li ma ra xejn ħażin fil-protesti li kien hemm f’Ocseny. Il-Gvern ta’ Orban kien kritikat ħafna għax uża l-pulizija biex iwaqqaf id-dħul ta’ refuġjati mil-Lvant Nofsani fl-Ungerija. Fl-2016 il-pajjiż ta’ kenn lil 425 refuġjat biss minn total ta’ 29,432 li talbu ażil fil-pajjiż.
Bħalissa hemm madwar 7,000 refuġjat maqbuda fis-Serbja, ħafna minnhom f’kundizzjonijiet terribbli wara li kienu msaħħa l-kontrolli fuq il-fruntiera tal-Ungerija u l-Kroazja.