Isqof Niġerjan jiddeskrivi il-Bako Haram bħala grupp “imxajtan”

Madwar 100,000 persuna inqatlu mill-militanti tal-Bako Haram fi stat Niġerjan wieħed minn meta bdew il-ġlied fl-2009.
 
L-Isqof Kattoliku ta’ din id-djoċesi li tinsab fil-qalba tal-ġlied iddeskriva l-grupp Bako Haram bħala “grupp imxajtan” u sostna li dawn l-Islamisti militanti trid issirilhom “ġlieda spiritwali” barra minn dik fiżika.
 
L-Isqof Oliver Dashe Doeme qal lil grupp ta’ ġurnalisti li l-gwerra tal-Bako Haram hi waħda imxajtna u għalhekk trid tkun miġġielda wkoll spiritwalment.  Hu faħħar il-Gvern Niġerjan fis-suċċessi li qed jikseb fil-ġlieda kontra t-terroriżmu iżda appellalu biex iwaqqaf il-vjolenza fit-tramuntana tal-pajjiż fejn għad hemm ħafna ġlied u attakki suwiċida bil-bombi.
 
F’nofs ix-xahar li għadda, il-Gvernatur ta’ Borno qal li madwar 100,000 persuna inqatlu minn dan il-grupp ta’ militant, fl-istat immexxi minnu.  Barra minn dan 2.1 miljun persuna ħarbu minn djarhom. Hemm ukoll 52,000 orfni li qed jgħixu weħidhom filwaqt li madwar 55,000 mara huma romol.
 
L-Isqof Doeme qal lill-ġurnalisti fil-bidu ta’ dan ix-xahar, li 500 Kattoliku kienu fost il-100,000 persuna li nqatlu. 25 saċerdot u 40 soru kellhom jaħarbu filwaqt li fl-2014 biss aktar minn 250 knisja inħarqu mill-Bako Haram.  Madwar 80,000 Kattoliku kellhom jaħarbu lejn il-Cameroon.
 
Hu appella lill-organizazzjonijiet Kristjani biex jgħinu ħalli jinbnew mill-ġdid żoni li kienu attakkati.