2 miljun persuna telqu mill-Venezwela

In-nuqqas ta' ikel u mediċinali qed jinħassu sew fil-Venezuela

Skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, aktar minn 2 miljun persuna telqu mill-Venezwela f’dawn l-aħħar snin minħabba l-kriżi ekonomika, politika u soċjali kbira li hemm fil-pajjiż.

Il-Knisja fil-Venezwela flimkien mal-poplu, qed tipprova tilqa’ għal din il-kriżi billi tieħu inizjattivi ta’ proġetti soċjali biex ittaffi n-nuqqas ta’ ikel u mediċinali.  Imma l-kundizzjoni li fiha tinsab il-Knisja stess hi waħda prekarja fejn l-Isqfijiet u s-saċerdoti ma għandhom kważi xejn.

L-Isqof Oswaldo Azuaje, ta’ Trujillo jgħid li ekonomikament, id-djoċesi tiegħu hi waħda mill-ifqar reġjuni fil-pajjiż. Madankollu r-reġjun mhux tant fqir għax għandu ħafna rikkezzi f’termini ta’ kultura u tan-nies li jgħixu fih. Il-ħajja ta’ kuljum tixbaħ ħafna lil dik fil-bqija tal-Venezwela. “Għandna nuqqas ta’ ikel u mediċinali, ħafna nies telqu lejn pajjiżi oħra, l-ekonomija hi staġnata”.

Meta dan l-aħħar l-Isqfijiet tal-Venezuela għamlu żjara “ad limina” fil-Vatikan sabu li l-Papa Franġisku jaf ħafna dwar il-Knisja f’pajjiżhom, kif inhi l-ħajja u d-diffikultajiet li s-soċjetà qed tiffaċċja bħalissa.

“Il-Papa qalilna li għandna nkunu ħafna qrib il-poplu u ngħinu fil-ħtiġijiet tagħhom. Qalilna ‘ibqgħu sodi u qrib in-nies. Naf li diġà qed tagħmlu hekk imma nistedinkom tkomplu tagħmlu hekk’. Stedinna biex nirreżistu billi nibqgħu sodi fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba tagħna”, qal l-Isqof Azuaje.

L-Isqof żar stat fuq il-fruntiera mal-Kolombja. Id-djoċesi ta’ Cristobal fil-Venezwela u dik ta’ Cucuta fil-Kolombja qed jagħmlu sforzi kbar.  Hu tħallat ma’ nies li kienu qed jaqsmu l-fruntiera lejn il-Kolombja. Kuljum, madwar elf persuna jitilqu mill-Venezwela. Kuljum il-Knisja titma bejn 5,000 u 8,000 persuna.

In-nies qed ikunu mġiegħla jitilqu minħabba n-nuqqas kbir ta’ ikel u mediċini li għandhom bżonn iżda mhux qed isibuhom f’pajjiżhom u anqas jifilħu jixtruhom għax il-munita ġiet svalutata.  Biex itaffu għan-nuqqas ta’ ikel il-parroċċi qed jipprepraw dawk li jissejħu “sopop tal-komunità” biex jassiguraw li dawk fil-bżonn ikollhom xi ħaġa x’jieklu. It-tfal u l-anzjani diġa’ qed juru sinjali li għandhom nuqqas ta’ ikel.

L-Isqof Azuaje rringrazzja lill-poplu tal-Venezwela; lil dawk kollha li qasmu u qed ikomplu jaqsmu il-ftit li għandhom mal-oħrajn.  Iżda issa l-pajjiż sar dipendenti fuq l-għajnuna minn barra għax inkella l-ħajja ssir impossibbli mingħajr din l-għajnuna.

Hu rringrazzja lill-Knisja fl-Ewropa, partikolrment fil-Ġermanja, l-Italja u Spanja li qed jgħinuhom biex ikunu jistgħu jgħinu lis-saċerdoti biex il-ħlas tal-quddies jgħinhom jgħixu ħajja li tixraq lill-persuna umana.  Din l-għajnuna tgħinhom biex ma jaqtgħux qalbhom biex ikunu jistgħu jservu lill-poplu.