Isqof ma jridx jgħix f’Palazz għax hu Ragħaj mhux Prinċep

L-Arċisqof il-ġdid ta' Seattle ma jridx jgħix f'dan il-post għax irid ħajja aktar sempliċi (Credit: Kevin Birnbaum,/Northwest Catholic via CNS.)

L-Arċisqof il-ġdid ta’ Seattle, fl-Istati Uniti, Mons Paul D. Etienne fl-ewwel jum tal-veskovat tiegħu kiteb lis-saċerdoti u d-djaknu fejn għarrafhom li hu ma kienx se jgħix fil-palazz ta’ 9,000 metru kwadru fejn kienu joqgħodu l-predeċessuri tiegħu sa mill-1920, magħruf bħala Conolly House.

“Jien nippreferi ħajja aktar sempliċi u għalhekk qed iħares lejn proprjetà oħra tal-Knisja biex insib dar aktar adattata kemm jista’ jkun malajr. Sadattant, b’mod prudenti naraw kif nistgħu nbiegħu Conolly House u bil-flus li ndaħħlu nistgħu niffinanzjaw ħtiġijiet pastorali oħra li għandna fid-djoċesi,” kiteb l-Isqof il-ġdid.

Conolly House hu stmat li għandha valur ta’ $8.4 miljuni fis-suq tal-proprjetà.

Jippreferi ħajja sempliċi

“Din id-dar ma tirrappreżentanix” qal l-Arċisqof Etienne f’intervista ma’ magazine Kattoliku li dehret ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Arċidjoċesi ta’ Seattle. “Inħoss li ż-żmien meta l-Isqfijiet kienu jgħixu f’postijiet ħafna akbar u sbieħ mid-djar tal-maġġoranza tal-poplu, għadda u hekk għandu jkun.”

“Jien Ragħaj mhux Prinċep u rrid ngħix b’mod li jirrifletti kif jgħixu n-nies tad-djoċesi tiegħi”.

L-Arċisqof qal li hu influwenzat mill-messaġġ u l-mudell ta’ Papa Franġisku li wara l-elezzjoni tiegħu fl-2013, ġibed l-attenzjoni tad-dinja meta għażel li ma jgħix fil-Palazz Apostoliku imma mar jgħix f’dar tal-mistiednin tal-Vatikan, f’Santa Martha.

Hu qal li madankollu d-deċiżjoni tiegħu ma għandhiex tirrifletti b’mod ħażin fuq l-Isqfijiet ta’ qablu. “Jien mhux qed nikkundanna lil ħadd.  Imma llum qed ngħixu fi żinijiet oħra u rrid li n-nies ikunu jafu li jien lest nikkunsidra kollox, inkluż id-dar li ngħix fiha li jipprovdili l-poplu t’Alla għax b’hekk inġeddu l-Knisja”.

Sfida għall-Isqfijiet

“Illum l-Isqfijiet  għandhom sfida biex jirbħu lura l-kredibilità tagħhom”, żied jgħid l-Arċisqof. Sostna li d-deċiżjoni tiegħu li ma jgħix fil-palazz, tirrifletti hu min hu u kif iħoss li Isqof hu msejjaħ biex jgħix u jagħti każ l-ambjent. Bniedem waħdu ma għandux bżonn dak il-kobor kollu ta’ dar.

Dwar il-futur ta’ Conolly House, l-Isqof Etienne qal li din deċiżjoni li trid tittieħed flimkien ma numru ta’ nies oħra u mhux minnu biss. “Hu ċar li din biċċa art tajba li jekk tinbiegħ tgħinha nimxu ‘l quddiem fil-ministeri tagħna”.

Conolly House kienet inbniet fl-1902 għal ċertu William Hofius li kien President ta’ kumpannija li timmanifattrua apparat tal-metall.  Id-djoċesi ta’ Seattle kien akkwsitat din il-proprjeta fl-1920 għall-Arċisqof ta’ dak iżż-żmien – L-Isqof Edward J. O’Dea, li baqa’ jgħix fiha sakemm miet fl-1932.

Warajh għexu f’din id-dar ħames Isqfijiet oħra u l-aħħar wieħed kien l-Isqof Peter Sartain li rtira fit-3 ta’ dan ix-xahar u floku laħaq l-Isqof preżenti, Mons Paul Etienne li ddeċieda li mhux se jgħix fiha.