Isqof ma jħossux sigur wara li tkellem dwar il-kunflitt fil-Cameroon

Klassi vojta fi skola fil-Cameroon. Ir-ribelli separatisti għamlu bojkott lill-iskejjel. (Credit: Pixabay.)

Ftit siegħat biss wara li fil-festa ta’ Santa Marija, Isqof fil-Cameroon tkellem u appella biex jieqaf il-ġlied fit-tramuntana tal-pajjiż, żewħ saċerdoti sfaw maħtufa minn persuni mhux magħrufa.

Father Franklin Banadzem Dindzee, Direttur tal-Ministeru taż-Żgħażagħ fid-djoċesi ta’ Kumbo u Fr. Patrick Atang mill-parroċċa ta’ Mbessa, inħatfu matul il-lejl waqt li kienu qed jivjaġġaw lejn il-belt ta’ Ela-Oku.

Ftit siegħat qabel seħħ dan il-ħtif, l-Isqof George Nkuo ta’ Kumbo, ikkundanna pubblikament l-kefrija mwettqa minn suldati tal-Gvern u separatisti. Hu qal li Kumbo u l-poplu tiegħu sofrew ħafna.

Nies jinqatlu

“Rajna nies innoċenti jinqatlu brutalment.  Ħafna nies tilfu djarhom u l-proprjetà. Il-vjolenza, it-tortura u l-kefrija tant saru komuni li kważi saret ħaġa normali li wieħed joqtol, jittortura u jitlob flus biex jeħles lil xi ħadd li jkun ħataf. Għadna qed nisimgħu stejjer tal-waħx ta’ nies li nħatfu jew kienu arrestati u ġew torturati u mitluba jħallsu flejjes kbar qabel jinħelsu”, żied jgħid l-Isqof.

Wara li nħatfu ż-żewġ saċerdoti, id-djoċesi ħarġet stqarrija fejn talbet il-ħelsien immedjat tagħhom bla ebda kundizzjoni.  Il-Pulizija qed jagħmlu tfittxija għaż-żewġ qassisin li ħadd ma jaf fejn spiċċaw.

Il-Knisja Kattolika fil-Cameroon spiss issemma’ leħinha biex issir ġustizzja ma’ dik il-parti tal-pajjiż fejn in-nies jitkellmu bl-Ingliż u kkundannat ukoll l-abbużi mid-drittijiet umani mill-forzi tas-sigurtà. Bl-istess mod ikkritikat ukoll it-tattiċi tas-separatisti.  Dan wassal biex il-kleru sar il-mira taż-żewġ naħat fil-kwestjoni u numru ta’ qassisin spiċċaw inħatfu minn separatisti li talbu l-flus għall-ħelsien tagħhom.  Anke l-Arċisqof Fontem Esua ta’ Bamenda kien inħataf mir-ribelli għal numru ta’ siegħat wara li twaqqaf minn separatisti.

Bojkott lill-iskejjel

Is-separatisti kienu għamlu bojkott lill-iskejjel u aktar minn 80% tat-tfal mhux qed imorru skola.  Xi skejjel li ppruvaw jisfidaw il-bojkott ingħataw in-nar u l-istudenti  u l-għalliema sfaw maħtufa.

“Hu delitt kontra l-umanità li wieħed iċaħħad lit-tfal mid-dritt li jmorru l-iskola, hi kemm hi leġittima r-raġuni għal din il-protesta”, qal l-Isqof. Żied  jgħid li t-tfalli qed jitilqu minn Kumbo biex imorru jieħdu l-edukazzjoni tagħhom x’imkien ieħor, qed ikunu esplojtjati bla ħniena.

Eplojtazzjoni

“Huwa sewwa li n-nies ta’ Kumbo, jew it-tfal tal-belt, ikollhom jitilqu minn hawn u jħallsu madwar $500 bħala studenti f’Yaoune jew Douala, meta bl-istess ammont ta’ flus tista’ tisponsorja għaxar studenti f’Kumbo?”, staqsa l-Isqof. “Din l-esplojtazzjoni trid tieqaf.  U aħna nistgħu nwaqqfuiha”.

L-Isqof appella kemm lis-separatisti kif ukoll lis-suldati biex juru aktar sensibilità u appella wkoll lill-parruċċani biex jiġġieldu l-ħażen. “L-istorja għad tiġġudikana”, wissa’ l-Isqof.

Hu qal li huma biss il-fidi u l-imħabba t’Alla li jistgħu jġibu l-paċi f’Kumbo u fil-Cameroon kollu kemm hu. Sa dakinhar, l-Isqof qal li għalkemm hu nkwetat ħafna bis-sitwazzjoni, mhux qed jibża’. “Konxju li kulmin jitkellem dwar dawn l-affarijiet ikun qed jirriskja li jispiċċa maħtuf jew maqtul.  M’inix ċert li qed ngħix fis-sigurtà”.