Isqof li ddefenda lil ommu minn attakk ta’ Duterte sab il-Facebook sospiż

L-Isqof Pablo Virgilio David ta’ Kalookan fil-Filippini (Credit: Paul Jeffrey/CNS.)
Wara li ddefenda lil ommu minn attakk li għamel fuqha l-President tal-Filippini, Rodrigo Duterte, Isqof sab il-profil tiegħu fuq Facebook sospiż temporanjament.
L-Isqof Pablo Virgilio David ta Kalookan ilu ħafna jikkritika l-kampanja brutali tal-President fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, li skont diversi gruppi tad-drittijiet umani swiet il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni li nqatlu bla ebda proċess kontrihom.
Heddu li jaqtagħlu rasu
Duterte mhux l-ewwel darba li attakka lill-Isqof David minħabba l-kritika tiegħu u saħanistra f’Novembru li għadda heddu li jaqtalu rasu u akkużah li kien baruni tad-droga u li seraq il-flus li jinġabru fil-knisja.  Wara dan l-attakk l-Isqof ammetta li kien irċieva theddid anonimu fuq ħajtu.
Fit-2 ta’ dan ix-xahar il-President tal-Filippini għajjar lill-Isqof David li kien “Iben ta’ prostituta”. Diskors li qabel kien attriwbieħ ukoll lill-Papa Franġisku u lill-ex Presidnet Amerikan, Obama.
“Dan David ma jaf jagħmel xejn ħlief imaqdar”, qal il-President. “Jekk int qassis u trid tikkritikani – aħjar tisma’ minni ja iben prostituta, oħroġ mill-konfessjonarju u tużax ir-reliġjon tiegħek”.
Eloġju għal ommu
L-għada ta’ dan l-attakk, l-Isqof David, poġġa fuq il-paġna tiegħu tal-Facebook, eloġju għal ommu, Bienvenida Siongco David li mietet fis-sena 2000.
“Din hi l-mara li l-President ta’ pajjiżna l-bieraħ għajjarha prostituta. Lili għajjarni li jien tifel ta’ prostituta għax allegatament attakkajtu mill-pulptu – xi ħaġa li qatt m’għamilt.  Il-pulptu qatt ma nużah għalhekk.  Almenu jekk il-President ma jħossx li meta nappella biex tieqaf il-vjolenza u l-qtil fid-djoċesi tiegħi jammonta għal attakk kontrih”, kiteb l-Isqof David.
 Hu kiteb dwar il-kuraġġ ta’ ommu fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija meta l-pajjiż kien okkupat mill-Ġappuniżi u l-appoġġ li tat lil żewġha li kien uffiċjali fis-servizz tal-Gvern u l-isforzi tagħha biex ħadet ħsieb it-13 uliedha wara li sfat armla fl-età ta’ 58 sena.
“Ommi rnexxielha trabbi soċjologu, perit, żewġ avukati, inġinier ċivili, bankier, infermiera, Isqof, dentist, ekonomista, real estate broker u nutritionist. L-isforzi tagħha ma kienux fix-xejn; ebda wieħed minn uliedha ma spiċċa piż fuq il-pajjiż”, kiteb l-Isqof.
“Il-familja tagħna ma nistennewx li l-Gvern jagħtiha rikonoxximent għall-kontribut kbir tagħha fil-bini tal-pajjiż. Iżda anqas ma nistennew lil ħadd jinsulta l-memorja tagħha u jgħajjarha prostituta. Ma jistħoqqilhiex dan”.
Duterte kontra l-Knisja
Nhar il-Ħamis li għadda, Facebook imblokka l-paġna tal-Isqof David għax akkużah li pprova jaċċessa informazzjoni privata minn fuq is-sistema, bi frodi.
“Imblukkawli l-paġna tiegħi.  Ħadt parir kif nista’ nerġa’ niftaħha” qal l-Isqof David lil CBCP News li hu s-servizz tal-aħbarijiet tal-Konferenza Episkopali Filippina.  L-għada l-paġna ma baqgħetx imblukkata.
Duterte ilu ħafna jeħodha kontra l-Knisja Kattolika f’pajjiżu, sa minn qabel sar President fl-2016.  Hu kien allega li meta kien jattendi skola tal-Ġiżwiti, lejn tmiem is-snin 50,  kien abbużat minn patri
Fl-24 ta’ Marzu li għadda qal li “jkun aħjar għad-dinja jekk f’dak il-lejl jinqatlu l-qassisin kollha li abbużaw u fl-istess diskors għajjar lill-Isqfijiet tal-pajjiż li jservu biss lis-sinjuri, lis-sidien tal-banek u n-negozji oħra”.