Isqof Kattoliku fil-Filippini mhedded bil-mewt

L-Isqof Pablo Virgilio David ta’ Kalookan ikkritika lill-Gvern dwar il-gwerra kontra d-drogi

Isqof Kattoliku fil-Filippini li hu kritiku għall-Gvern minħabba l-ġlieda kontra d-droga ikkonferma li rċieva theddid fuq ħajtu minn persuni mhux magħrufa.

L-Isqof Pablo Virgilio David ta’ Kalookan qal li hu rċieva dan it-theddid xi ħmistax il-ġurnata ilu. “Ma nafx mnejn ġej dan it-theddid”, qal l-Isqof li hu wkoll il-Viċi President tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini.

Nhar il-Ħadd li għadda, b’differenza kbira minn okkażżjonijiet oħra, il-President tal-pajjiż, Rodrigo Duterte wissa’ lill-poplu biex ma jagħmilx ħsara lill-Isqfijiet jew lill-qassisin. Il-President kien qed jitkellem waqt rally tal-kampanja elettorali tiegħu f’Cebu.

U-Turn minn Duterte

Fir-rally il-President ikkwota parti minn messaġġ li l-Kardinal Luis Antonio Tagle bagħtlu fejn qallu li l-Isqof David u xi saċerdoti oħra kienu rċivew theddid li joqtluhom minn xi ħadd li “allega li qed jaħdem għan-nom tal-familja tal-President”.

“Ara ma tmissux lill-qassisin. Dawk m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika”, wissa’ l-President Duterte “, dkont rapport tal-aġenzija “Zenit”.

“Kemm jekk huma nsara kif ukoll jekk huma Muslimani, min qed jagħmel dan it-theddid m’għandux x’jaqsam magħna. Ara ma jfettlilkomx tmissuhom. Il-mexxejja reliġjużi m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ħażen tal-ħajja. Ħalluhom! Tibqgħux theddudhom għax inkella se jkollkom x’taqsmu miegħi”.

Fl-imgħoddi, Duterte ripetutament ikkritka l-Knisja meta kkritikat il-metodi li qed jujża fil-gwerra kontra d-droga u l-Isqof David kien sar il-mira ewlenija tal-attakki tiegħu. Dan l-aħħar il-Presdient kien żied l-attakki tiegħu fuq il-Knisja u sa kien wasal iħeġġeġ lin-nies biex joqtlu l-Isqfijiet.

Inqatlu 20,000 persuna

Mistoqsi jekk it-theddid li rċieva kellux x’jaqsam mal-kampanja tiegħu kontra l-qtil ta-persuni konnessi mad-droga, l-Isqof David wieġeb li ma jafx.

Madankollu qal li xejn m’hu se jwaqqfu milli jikkritika l-gwerra kontra d-droga li diġa’ ħasdet eluf ta’ ħajjiet.  Hu maħsub li mill-2016 ‘l hawn, minn meta Duterte sar President tal-Filippini, f’din il-gwerra kontra d-droga diġa nqatlu aktar minn 20,000 persuna.

“Ebda theddid jew intimidazzjoni m’hu se jwaqqafni milli nkompli naqdi d-doveri spritwali u pastorali tiegħi bħala Isqof”, insista l-Isqof David.