Isqof jitlob liż-żgħażagħ jiddefendu ħajjet is-saċerdoti tagħhom

Madwar id-dinja, meta Isqof jagħmel appell liż-żgħażagħ jew ikun irid iwassal messaġġ morali, bħal “Oqgħodu l-bogħod mid-droga”, jew “komplu studjaw”, jew inkella tkun sejħa biex jipparteċipaw f’xi proġett tal-Knisja, bħal: “Ejjew agħtu daqqa t’id biex insewwu l-bejt tal-Knisja” jew “Immorru nattendu għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ”.
Imma meta s-sejħa tkun bħal dik li għamel liż-żgħażagħ tad-djoċesi tiegħu l-Isqof Malchisedech Sikuli Paluku ta’ Butembo-Beni fil-Kongo biex jipproteġu l-ħajja u l-inkonumilita’ fiżika tas-saċerdoti tagħhom, li tnejn minnhom inħatfu ix-xahar li għadda, ifisser li dak il-pajjiż verament qigħed f’xifer l-irdum.
“Tagħmlux bħal Kajin li staqsa ‘Jien x’għandi x’naqsam ma ħija’. Ejja niddefendu lil xulxin. F’dan il-mument preċiż qed nitlob lilkom iż-żgħażagħ biex tħarsu lis-saċerdoti tagħkom. Is-saċerdoti juruna il-ferħ u l-kuraġġ tagħhom, żommu lis-saċerdoti li nibgħatulkom jaħdmu fil-parroċċi tagħkom fiż-żgur u ħielsa minn kull tiġrib”, appella l-Isqof.
Dan l-appell tal-Isqof sar wara li fis-17 ta’ Lulju, żewġ saċerdoti nħatfu min nies armati mill-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli fil-parroċċa ta’ Bunyuka. Tliet saċerdoti oħra li kienu nħatfu mill-istess djoċesi f’Ottubru 2012, ħadd għadu ma jaf x’sar minnhom u għadhom ma nħelsux.
Din il-parti tal-Kongo li għandha fruntieri mal-Uganda  u Rwanda għandha ħafna minerali u għal dawn l-aħħar 20 sena għaddiet minn ħafna vjolenza u kunflitti armati bejn gruppi differenti fejn ir-regoli hi li min hu l-aktar armat u b’saħħtu jaħtaf kemm jiflaħ. Fl-aħħar sentejn mijiet ta’ persuni nqatlu f’massakri ta’ ċivili fir-reġjun.
Kull meta l-vjolenza tgħolli rasha jiżdiedu l-attakki fuq l-insara għax huma biss ma jaħarbux mill-inħawi milquta mill-ġlied. 95% tal-popolazzjoni tal-Kongo huma nsara.  Il-Knisja Kattolika tiġbor fiha madwar 35 miljun membru minn popolazzjoni ta’ madwar 71 miljun persuna.
Il-vjolenza kontra l-Kattoliċi ilha għaddeja s-snin. Fl-2009 saċerdot ta’ 51 sena inqatel b’tir ta’ arma tan-nar mill-viċin meta xi ħadd daħal f’daru matul il-lejl. Jumejn wara xi ħadd daħal fil-monasteru tas-Sorijiet Trappisti u qatel saru b’tir ta’ arma tan-nar. F’Novembru 2010 inqatel saċerdot waqt li kien qed jirritorna lejn daru ma raġel ieħor u żewġ persuni armati staqsew min minnhom kien qassis u sparawlu.