Isqof jitlob lill-President tal-Filippini biex jaħseb mill-ġdid il-gwerra kontra d-droga

L-Isqof Pablo Virgilio David tad-djoċesi ta’ Kalookan fil-Filippini għadu jittama li l-President tal-pajjiż, Rodrigo Duterte se jerġa’ jaħsibha dwar il-mod kif qed imexxi l-ġlieda kontra t-traffiku illegali tad-droga li diġà swiet il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni.
Hu qal li l-President għandu jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-esperti  tad-droga. “ Ħalli esperti minn diversi oqsma jlestu rapport dwar l-għeruq tal-problema tad-droga fil-pajjiż,” appella l-Isqof lill-President.
Filwaqt li l-awtoritajiet isaħħu l-ħidma tagħhom kontra l-barunijiet tad-droga u l-kompliċi tagħhom fil-pulizija, għandu jgħin ukoll bis-saħħa il-programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga li qed isiru f’diversi komunitajiet. L-Isqof qed jittama wkoll li Duterte, barra l-ġlieda kontra d-droga, jibda wkoll ġlieda aggressiva kontra l-faqar li hemm fil-pajjiż.
L-Isqof David esprima dawn ix-xewqat ftit jiem biss qabel il-President Duterte għamel it-tieni indirizz tiegħu lin-nazzjon.
Il-Viċi President tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini wera wkoll ix-xewqa li l-President jagħmel ġest ta’ rikonċiljazzjoni mal-avversarji politiċi u l-kritiċi tiegħu u jaħdem għal aktar għaqda fil-pajjiż.
“Nixtieq li jħares lejn il-Knisja u gruppi reliġjużi oħra bħala sieħba fil-ħidma komuni b’risq il-ġid komuni, it-tħaris tal-ambjent u dawk l-aktar żvantġġjati fis-soċjetà”, żied l-Isqof.
Hu appella wkoll lill-President biex ma jestendix il-Liġi Marzjali f’Mindanao u minflok jaħdem għall-paċi mal-Front Demokratiku Nazzjonali u l-Front Iżlamiku għal-Liberazzjoni.