Isqof jinfaqa jibki quddiem massakri u ġuħ fis-Sudan

Hekk kif kompla l-qtil ta’ nies ċivili innoċenti u kompliet tikkarga l-gwerra ċivili fin-Nofsinhar tas-Sudan, l-Isqfijiet Kattoliċi ħeġġew lill-mexxejja tal-pajjiż biex jikkundannaw il-qtil u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u sostnew li għandhom obbligu morali li jagħmlu dan.
“Intom għandkom is-saħħa, il-poter u l-obbligu li tużaw il-mezzi kollha tagħkom biex issolvu l-problemi li qed jiffaċċja l-poplu”, qal l-Isqof Edward Kussala, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet fin-Nofsinhar tas-Sudan.
L-Isqof Edward Kussala qal li l-mibegħda u s-sofferenzi li ra b’għajnejh meta żar belt f’dan ir-reġjun wassluh biex infaqa’ f’bikja li ma setgħax iwaqqaf.  Hu ħeġġeġ lix-“Xjuħ” tal-poplu biex jagħrfu l-urġenza u l-gravita’ tas-sitwazzjoni għax il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni kritika.
Kussala qal li ra l-mewt, il-mibegħda, il-ġuħ, intolleranza, infrastruttura mfarrka u vojta, qtil bla sens u nies jaħarbu minn djarhom. Hu appella biex il-mexxejja jagħtu ċans lill-poplu jitkellem biex huma jisimgħu.  Importanti li l-ewwel jieqaf dan il-ġlied u qtil bla sens u wara jsiru l-investigazzjonijiet f’dawn l-atroċitajiet biex min wettaqhom jieħu li ħaqqu.
Fl-10 ta’ April, jiem biss wara l-kundanna  mill-Konferenza Episkopali, mill-anqas 16-il persuna inqatlu minn suldati tal-Gvern li bdew iduru dar dar ifittxu membri tal-grupp etniku, Fertit.  Dan seħħ wara li fi tmiem il-ġimgħa ta’ qabel il-Brigadier Ġenerali u Kurunell tal-Armata f’Wau, inqatlu fil-ġlied.
Bħalissa madwar 100 persuna qed isibu kenn f’kamp tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li 3,000 persuna l-aktar nisa u tfal intbagħtu f’post tal-Knisja Kattolika. Eluf oħra residenti f’Pajok kellhom jaħarbu lejn it-tramuntana tal-pajjiż wara attakk qawwi li sar fuq ir-raħal tagħhom.
Skont l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, nies li qed jaslu f’Lamwo fit-tramuntana tal-pajjiż wara li kellhom jaħarbu minn djarhom qed jirrakkuntaw stejjer ta’ vjolenza u abbużi u uħud minnhom raw il-qraba għeżież tagħhom jinqatlu bħal annimali. Dawk li ma rnexxielhomx jaħarbu, fosthom ħafna anzjani u persuni b’diżabilita’ inqatlu mis-suldati.