Isqof jikkundanna ż-żamma għal żmien esaġerat fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni tal-Immigranti

Id-deċiżjoni li dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, inkluż vittmi ta’ tortura, jinżammu għal perjodu indefinit f’ċentri ta’ detenzjoni, hi tal-mistħija u għandha tieqaf. 
Dan qalu Mons. Paul McAleenan, Isqof Awżiljarju ta’ Westminster.
L-Isqof għamel dan il-kumment wara li kien ippubblikat rapport mill-Ispettorat tal-Ħabsijiet dwar iċ-Ċentri tal-Immigranti li qed jistennew l-estradizzjoni, li hemm qrib l-ajruport ta’ Heathrow f’Londra. 
Ir-rapport irrakkomanda lill-Gvern Ingliż biex jillimita ż-żmien massimu li għalih jistgħu jinżamm individwu f’kundizzjonijiet bħal tal-ħabs.
Fost l-affarijiet ikkundanabbli li joħorġu minn dan ir-rapport, hemm li numru ta’ individwi ilhom jinżammu għal perjodi eċċessivi – f’każ minnhom persuna ilha miżmuma għal aktar minn erba’ snin u nofs. 
Ir-rapport jgħid ukoll li fiċ-ċentru hemm miżuri ta’ sigurtà aktar ħorox minn dawk li jintużaw fil-ħabsijiet u li ċertament mhumiex aċċettabbli f’ċentru ta’ detenzjoni tal-Immigranti.
Il-Kap tal-Ispettorat tal-Ħabsijiet, qal li wħud mill-537 persuna li qed jinżammu f’dan iċ-ċentru ilhom miżmuma għal żmien twil ħafna, fosthom 23 persuna li ilhom hemm għal aktar minn sena.
L-Isqof McAleenan appella lill-Gvern biex iwaqqaf dik li hu sejjaħ “sistema inumana”.
“Hu tal-mistħija li l-Gvern Ingliż effettivament qed iżomm f’ħabs anke vittmi ta’ tortura, persuni b’kundizzjonijiet mentali gravi u nies li rnexxielhom jaħarbu minn traffikar uman. It-trattament ta’ dawn in-nies vulnerabbli mis-soċjetà tagħna hu bi ksur tad-dinjità umana li tahom Alla u għandu jieqaf”, sostna l-Isqof Awżiljarju.
Il-Jesuit Refugee Service, li jagħmel ħidma pastorali tal-persuni miżmuma fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Harmondsworth, jiddeskrivi din id-detenzjoni fit-tul bħala waħda li tħalli effetti devastanti u teqred il-ħajja.  Sostna li dan ir-rapport hu inkwetanti ħafna.
Ix-xahar li għadda, l-Isqfijiet Kattoliċi ingħaqdu ma’ mexxejja reliġjużi oħra biex jikkritikaw id-detenzjoni indefinita prattikata fl-Ingilterra. 
Bħalissa hemm kampanja qawwija biex il-perjodu ta’ detenzjon tal-immigranti ma jkunx itwal minn 28 ġurnata u dan għandu jkun inkluż f’liġi wara li l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu l-Ministeru tal-Intern Ingliż qal li dawn il-persuni qed jinżammu għall-anqas perjodu possibbli bħala parti minn politika effettiva ta’ kontroll fuq l-immigrazjoni u sostna li tul dan iż-żmien is-saħħa tad-detenuti tingħata importanza kbira.