Isqof jikkundanna l-għeluq ta’ faċilitajiet Kattoliċi fl-Eritrea

Foqra fl-Eritrea mċaħħda minn servizzi tas-saħħa minn kliniċi tal-Knisja li nħatfu mill-Gvern

Kattoliċi mill-Eritrea li jgħixu f’Londra u dawk b’solidarjetà magħhom għamlu jum ta’ talb għall-poplu tal-Eritrea u l-Knisja Kattolika f’dak il-pajjiż li bħalissa għaddejja minn persekuzzjoni qawwija.

L-isqof Declan Lang permezz tar-rappreżentant tiegħu Fr. Mark Odion, kellem lil dawk preżenti fil-pjazza tal-Kattidral ta’ Westminster, fejn esprima d-dispjaċir kbir tiegħu għall-aħbarijiet li l-Gvern tal-Eritrea ħataf taħt idejh u għalaq numru ta’ skejjel u faċilitajiet tas-saħħa mmexxija mill-Knisja Kattolika u komunitajiet oħra fil-pajjiż.

Din is-sena, 21 ċentru tas-saħħa inħatfu mill-Gvern, Is-sena ta’ qabel tmien ċentri oħra kienu nazzjonalizzati biex b’kollox 29 minn dawn iċ-ċentri ittieħdu bil-forza mill-Gvern Eritrean minn idejn il-Knisja Kattolika.

Għas-servizz tal-foqra

“Dawn iċ-ċentri tas-saħħa kienu jinsabu kważi kollha f’żoni rurali u bliet żgħar biex jaqdu l-bżonnijiet tal-foqra u dawk fil-bżonn fis-soċjetà”, qal l-Isqof Lang. “Il-ħtif ta’ dawn il-faċilitajiet għalhekk, huwa ċaħda ta’ għajnuna medika lil parti kbira mill-popolazzjoni u żgur se jkollha effett negattiv fit-tul fuq il-foqra u fl-aħħar mill-aħħar tista’ twassal għall-mewt ta’ nies innoċenti li ma jkunux ikkurati kif jixraq.”

“Permezz tal-iskejjel u l-faċilitajiet tas-saħħa, il-Knisja Kattolika fl-Eritrea taqdi lin-nies l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà: lill-morda, il-fqar, l-anzjani, lin-nisa u lit-tfal. Barra minn dan, Il-Knisja Kattolika tmexxi wkoll orfanatrofji u kliniċi tal-maternità fil-komunitajiet rurali. Meta l-Gvern ikkonfiska dawn il-faċilitajiet kien qed iċaħħad drittijiet fundamentali inaljenabbli lill-foqra tal-Eritrea, bħalma huma l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u b’hekk joffri futur ikraħ lill-foqra u dawk fil-bżonn f’pajjiżu.”

Filwaqt li esprima s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Komunità Eritreana fl-Ingilterra u l-Kattoliċi kollha fl-Eritrea għal dan il-“ħtif illegali u anti-kostituzzjonali ta’ skejjel u istituzzjonijiet sanitarji”, l-Isqof Langa faħħar il-missjoni umanitarja tal-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż fil-Lvant tal-Afrika.

Appell

“Aħna konxji ta-servizz umanitarju kbir li ċ-ċentri tas-saħħa tal-Knisja joffru lill-poplu tal-Eritrea u jiddispjaċina nisimgħu bid-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtaf u jagħlaq iċ-ċentri tas-saħħa u l-iskejjel tal-Knisja. Ix-xhieda li qed tagħti l-Knisja li tipprovdi edukazzjoni u servizzi sanitarji mill-aqwa lill-poplu tal-Eritrea, speċjalment il-foqra u dawk l-aktar vulnerabbli, hu sinjal ċar tal-impenn għall-ġid tal-Eritrea u l-fedeltà tagħha lejn l-Evanġelju.”

L-Isqof temm id-diskors tiegħu b’appell lill-Gvern tal-Eritrea:

“Aħna solidali mal-Eritreani li jgħixu fl-Ingilterra u nappellawlek biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjonijiet tiegħek u tirritorna l-iskejjel u l-faċilitajiet sanitarji lura lill-Knisja Kattolika”.