Isqof jikkundanna l-arrest ta’ ġurnalisti fin-Nicaragua

L-Isqof Awżiljarju ta’ Managua, Mons. Silvio Josè Baez ikkritika bl-aħrax l-għeluq tal-istazzjon televiżiv 100% Noticias u l-arrest ta’ sid l-istazzjoni, Miguel Mora u l-Kap tal-ġurnalisti, Lucia Pineda Ubau.

Erbat ijiem qabel il-Milied il-Pulizija għamlu rejd fuq l-istazzjon u arrestaw lis-sid, lill-mara tiegħu Veronica Chavez u lill-kap tal-ġurnalisti u għalqu l-istazzjon.  Ftit siegħat wara l-arrest mart sid l-istazzjoni inħelset.

L-istazzjon qed ikun akkużat li l-ġurnalisti tiegħu “ipprovokaw, ipproponew u kkonfoffaw biex iwettqu atti terroristiċi u inċitaw il-mibegħda a bażi ta’ diskriminazzjoni politika kontra membri tal-Partit Sandinista għal-Liberazzjoni, immexxi mill-President tal-pajjiż, Daniel Ortega.

Dakinhar stess l-Isqof Baez, fi stqarrija qal li dak li ġara lill-istazzjoni 100% Noticias kien ta’ min jikkundannah u inaċettabbli.

“Jien naf lil Miguel Mora, aħna ħbieb u aħwa fil-fidi.  Tkellimt miegħu diversi drabi u anke tlabna flimkien ħafna drabi. Naf li hu bniedem tal-paċi, li jirrispetta d-drittijiet umani u jħobb mill-qalb il-poplu. Hu raġel sew u anke martu li nqisha bħala ħabiba tiegħi”, qal l-Isqof.

“Dak li għaddew minnu jweġġagħni u nittama li s-sitwazzjoni tista’ tkun retifikata u li fil-pajjiż ma jkollniex ġurnalisti arrestati. Dak li ġara jpoġġi l-pajjiż f’dell ikrah quddiem il-komunità internazzjonali.

L-Isqof Awżiljarju qal li hu “deplorevoli li l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa jiġu mkasbra. Is-Soċjetà għandha bżonn li l-verità tkun imxandra, il-verità trid tkun preċiża u toħloq għarfien permezz tal-editorjalli. Dan kollu jikkontribwixxi għal soċjetà ħielsa u demokratika.”.

L-unika triq li nara, biex il-pajjiż joħroġ mill-kriżi li jinsab fiha hi dik li dejjem ipproponew l-Isqfijiet: iridu jinfetħu toroq ta’ komunikazzjoni. Billi nagħlqu l-istazzjon f’narrativa li tikkriminalizza u ma tibnix pontijiet, mhux se nirnexxu biex negħlbu din il-kriżi, zied jgħid l-Isqof.

L-Isqof Baez talab lill-President Ortega u membri tal-Gvern tiegħu biex “jiftħu qalbhom għall-verità u għall-ġid. Il-kriminaliżazzjoni u r-ripressjoni ma jistgħux ikunu l-bażi għall-governanza tal-pajjiż.”

Filwaqt li sejjaħ għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, l-Isqof talab lin-nies kollha tan-Nicaragua, speċjalment lil dawk li għandhom il-poter u jridu jagħmlu deċiżjonijiet importanti li l-Milied iwassalhom biex iwarrbu d-diskors qarrieqi. “Il-Milied hu żmien fejn nirrispettaw id-dinjità tal-persuni umani kollha. Biżżejjed tkasbir tad-drittijiet umani u l-libertajiet pubbliċi. Dan hu l-isbaħ mod kif niċċelebrawit-twelid ta’ Alla magħmul Bniedem.