Isqof jiċċelebra l-Milied mal-morda fi sptar

L-Isqof Mario Moronta iqassam xarba tradizzjonali lill-ħaddiema u pazjenti

L-Isqof Mario Moronta tad-djoċesi ta’ San Cristobal, fil-Venezuela, iċċelebra l-Milied mal-pazjenti fl-Isptar Ċentrali tad-djoċesi tiegħu fejn qasam magħhom mumenti ta’ talb u l-ikla tradizzjonali tal-“hallaca”.

Iż-żjara fl-isptar kienet organizzata mill-parroċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu f’Barrancas li l-insara tagħha pprovdew il-“hallaca” li hu ikel tradizzjonali li bih il-Venezuelani jiċċellebraw dawn il-festi.  Minn dan l-ikel flimkien mal-Isqof kielu wkoll pazjenti, il-qraba tagħhom li marru jżuruhom, tobba, infermiera u ħaddiema oħra tal-isptar.

Fix-xewqat tiegħu tal-Milied, l-Isqof ta’ San Cristobal qal li “anke fid-dwejjaq u l-kriżi li għaddej minnha l-pajjiż, nistgħu ngħidu ‘il-Milied it-Tajjeb’, għax għandna raġuni valida ħafna biex nagħmlu dan: Alla sar bniedem u daħal fl-istorja tagħna biex jagħmilna ulied Alla l-Missier, u ġibilna l-imħabba li tista’ tagħmel kollox”.

Filwaqt li grupp beda jkanta innijiet tal-Milied barra l-isptar, l-insara mlew il-kuruduri tal-isptar jieklu l-ikel tradizzjonali tal-Milied. L-Isqof Moronta żar lill-pazjenti morda biex jawguralhom u jitolob magħhom u jamministra s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda lil dawk morda gravi.

L-Isqof appella lill-insara biex jagħmlu ġesti ta’ solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn, matul dawn il-festi tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.