Isqof jappella lill-Gvern tal-Kosta tal-Avorju biex ma jħallix ħabsijiet iffullati

Fl-isfond ta’ kundizzjonijiet mill-agħar fil-ħabsijiet tal-pajjiż, l-Isqfijiet fil-Kosta tal-Avorju qed japellaw lill-Gvern biex inaqqas l-iffullar fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni li hemm fil-pajjiż.
L-Isqof Antoine Kone ta’ Odienne, li hu l-President tal-Kummissjoni Episkopali għall-Kura Pastorali u Soċjali, fil-festa tal-Ħniena Divina qal li l-Qawmien ta’ Kristu mill-inwiet iġib ħelsien għal kulħadd. “Il-qabar ta’ Kristu hu miftuħ. Din mhux stedina biex niftħu l-ħabsijiet li hawn 'l hawn u 'l hinn fejn hemm tant nies innoċenti li l-karba tagħhom mhux qed tinstema’ minn dawk li jistgħu jirxuxtawhom?”, staqsa l-Isqof.
Skont din il-Kummissjoni Djoċesana, madwar 16,000 persuna huma marsusa fit-34 ħabs li hemm fil-pajjiż meta dawn il-ħabsijiet suppost jistgħu jilqgħu fihom 4,000 persuna biss.
L-Isqof Kone qed jappella biex dawn il-ħabsijiet ma jibqgħux iffullati billi l-President jaħfer lil dawk il-priġunieri li huma akkużati b’reati żgħar.  Talab ukoll biex jinħatru aktar ġudikanti biex il-proċessi jitħaffu billi ħafna minn dawk li hemm fil-ħabsijiet għad qed jistennew li jkunu proċessati u jista’ jkun li mhumiex ħatja.
“Dan jagħmel il-postijiet ta’ detenzjoni aktar umani u l-korrezzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-persuni innoċenti kollha li hemm fil-ħabsijiet li jispiċċaw jaqtgħu qalbhom mill-ħajja u konsegwenza ta’ hekk  imutu”, qal l-Isqof.
Hu qal li l-iffullar fil-ħabsijiet qed ikollu konsegwenzi negattivi fuq saħħet il-priġunieri li minħabba l-kundizzjonijiet iġeniċi u sanitarji mhux adegwati, il-priġunieri spiss qed jispiċċaw vittmi tad-disenterija u mard ieħor.
Amnesty International is-sena l-oħra ħarġet rapport li fih tat dettalji tal-kundizzjonijet tal-biża’ f’wieħed mill-ħabsijiet li hemm fil-kapitali tal-pajjiż, Abidjan.
F’Marzu l-awtoritajiet ta’ dan il-ħabs ammettew li filwaqt li l-ħabs kapaċi jilqa’ 1,500  priġunier, bħalissa hemm fih 3,694 persuna. Xi priġunieri qalu li kellhom iħallsu $32 lil dawk li jikkontrollaw is-sigurtà tal-ħabs biex ma jpoġġuhomx f’ċellel maħmuġin.
Il-familjari jkollhom ixaħħmu biex jaraw lill-priġunieri qrabathom. Uħud mill-priġunieri nfushom li huma responsabbli għas-sigurtà interna, isawtu lil priġunieri oħra u sentejn ilu dan wassal biex inqatlu tliet priġunieri kaġun tas-swat li qalgħu. L-awtoritajiet ma ħadu ebda passi biex jipproteġu lill-priġunieri.
Għaqda Nisranija li taħdem biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tgħid li l-iffullar fil-ħabsijiet ġej mill-fatt li hemm ħafna priġunieri li ż-żamma tagħhom fil-ħabs mhix ġustifikata. 40% tan-nies fil-ħabs qegħdin fuq arrest preventiv u jdumu ħafna ma jkunu proċessati.
Espert tan-Nazzjonijiet Magħquda li żar ċentru ta’ detenzjoni tal-minuri qal li din iż-żjara kienet l-agħar parti tal-ħidma tiegħu għax il-kundizzjonijiet li qegħdin fihom huma inaċettabbli u ħafna drabi dawn jinżammu wkoll ma’ priġunieri adulti.
Minkejja dawn l-isfidi l-Knisja għadha tittama li l-Gvern jista’ jirranġa dawn il-kundizzjonijiet. “Il-poplu tal-Kosta tal-Avorju qed jistenna lill-mexxejja politiċi biex jibnu pontijiet li jsaħħu l-klima soċjali u jinkoraġixxu l-iżvilupp ta’ dawk b’futur inċert, qal l-Isqof Kone.
Żied jgħid li barra d-definizzjoni ta’ ħabs kif mogħtija mid-dizzjunarju, in-nies jistgħu jinqaflu moralmnet u spiritwalment fil-ħabs tal-mibegħda, indifferenza, prożunzjoni u korruzzjoni.