Isqof jappella għall-ħelsien ta’ sitt sorijiet maħtufa fin-Niġerja

Isqof Niġerjan appella lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jintensifikaw l-investigazzjonijiet dwar il-ħtif ta’ sitt sorijiet li kienu nħatfu f’Novembru li għadda.
“Hu ta’ qsim il-qalb li l-forzi tas-sigurtà ma rnexxielhomx jeħilsu lil dawn is-sorijiet”, qal l-Arċisqof Alfred Martin ta’ Lagos, f’konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa li għadda.
“Aħna għad għandna tama li l-forzi tas-sigurtà jagħmlu ferm aktar milli għamlu s’issa biex jassiguraw il-ħelsien ta’ dawn is-sorijiet.
Tliet sorijiet professi: Sister Roseline Isiocha, Sister Aloysius Ajayi u Sister Frances Udi u tliet aspiranti żgħażagħ li qed jieħdu l-formazzjoni tagħhom, inħatfu minn persuni armati mhux magħrufa fit-13 ta’ Novembru li għadda.
Skont is-servizz tal-aħbarijiet tal-Vatikan dawn inħatfu mill-kunvent tal-Qalb Ewkaristika ta’ Ġesù f’Igouriakhi li jinsab fl-Istat ta’ Edo fin-nofsinhar tan-Niġerja.
 “Is-sorijiet issa ilhom aktar minn 50 ġurnata f’idejn minn ħatafhom. Għalina dan hu sors ta’ tħassib u inkwiet kbir aktar u aktar meta dawn huma nisa”, qal l-Arċisqof.
Nisa maħtufa fin-Niġerja spiss jispiċċaw vittmi ta’ abbużi sesswali.
Għalkemm il-motivi tal-ħallelin għad mhux magħrufa, il-vjolenza kontra l-Insara saret ħaġa komuni f’ċerti partijiet tan-Niġerja.
Fl-2014, il-grupp jihadista Boko Haram kien ħataf 276 tifla tal-iskola. Dan il-grupp kien responsabbli għall-għajbien jew il-qtil ta’ eluf ta’ Niġerjani.
F’Diċembru, il-Konferenza Episkopali Niġerjana kienet ikkundannat il-ħtif ta' dawn is-sorijiet u qalet li dan kien xogħol “l-aġenti tad-dlam”, u appellaw biex jinħelsu.
“Aħna mnikkta u mweġġgħa bil-fatt li t-tfal tagħna, is-sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, għadhom maħtufa”, intqal fl-istqarrija tal-isqfijiet.
“Nappellaw lil dawk li qed iżommuhom biex jisimgħu l-appell tagħna u jeħilsuhom immedjatament”.
Il-Papa Franġisku ingħaqad mal-appell tal-Isqfijiet u enfasizza l-impenn tiegħu li jitlob biex dawn is-sorijiet jirritornaw qawwijin u sħaħ u wera d-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas tagħhom.
“Nitlob għalihom b’insistenza u għal dawk kollha li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni diffiċli”, qal il-Papa Franġisku.