Isqof jakkuża truppi tan-Nazzjonijiet Magħquda bi stupri u abbużi

Isqof Kattoliku fir-Republika Ċentrali Afrikana akkuża membri tat-truppi għaż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Magħquda b’abbużi sesswali fid-djoċesi tiegħu, u wissa li dawn jistgħu jkunu ħatja ta’ delitti kontra l-umanità.
“Hemm nisa li qed ibigħu ġisimhom lis-suldati bil-Beritta Blu għax huma ddisprati”, qal l-Isqof Juan Aguirre Munoz ta’ Bangassou. “Ħafna qed jagħmlu dan biex ma jmutux bil-ġuħ u wħud minn dawk li qed ikunu abbużati huma minuri. Meta staqsejt lil ommijiethom x’kien qed jiġri, għaddsu rashom bil-mistħija”, żvela l-Isqof.
L-Isqof Munoz għamel dawn id-dikjarazzjonijiet minn Spanja fejn qed joqgħod għalissa fuq parir tal-istess Nazzjonijiet Magħquda, wara li l-Vigarju Ġenerali tad-djoċesi skappa bi żbrixx attakk li sar fuqu.
F’intervista ma’ gazzetta Spanjola l-Isqof qal li madwar 2,000 Musulman qed jingħataw kenn f’seminarju kattoliku u qed jingħataw protezzjoni mill-forzi għaż-żamma tal-paċi wara li f’nofs is-sena li għaddiet, għexieren inqatlu fi vjolenza mwettqa kontra l-Musulmani. Iżda l-faċilitajiet sanitarji mhux adegwati qed iżidu r-riskju tal-kolera.
Hu qal li l-fatt li xi nisa u tfal bniet ħarġu tqal minn suldati tan-Nazzjonijiet Magħquda hu delitt kontra l-umanità.
“Fil-pajjiż ġew ħafna delegazzjonijiet internazzjonali u telqu lura fl-istess ġurnata għax ħadd ma jrid joqgħod fil-pajjiż”, qal l-Isqof li ilu jaħdem f’dan il-pajjiż għal dawn l-aħħar 38 sena.
Ir-Republika tal-Afrika Ċentrali hi fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja.