Isqof jagħmel differenza fil-ħajja ta’ żgħażagħ b’diżabilità

L-Isqof Samson Shukardin jitlob ma' persuni b'diżabilità

Il-Komunità “Fidi u Dawl” tad-Djoċesi ta’ Hyderabad fil-Pakistan qed tgħin nies b’diżabilità fiżika u intellettwali biex jikkontribwixxu aktar għall-ħajja tal-familja, kif ukoll biex jegħlbu ostakli li persuni b’diżabilità jkollhom jiffaċċjaw.

L-Isqof Samson Shukardin jistieden lill-familji bi tfal b’diżabilità biex jeħduhom għal-laqgħat ta’ dan il-grupp li hu stess beda f’Mejju 2012.

Il-laqgħa tal-grupp tibda b’talba u qari ta’ silta mill-Bibbja. Imbagħad ikun hemm ħin għal-logħob, żfin u tpinġija filwaqt li l-ġenituri u t-tfal ikunu mħeġġa jipparteċipaw f’attivitajiet ferriħija flimkien.

Riaz Ghulam jattendi dawn il-laqgħat regolarment flimkien maż-żewġ uliedu b’diżabilità – Tabish li għandu 13-il sena u Nisha ta’ 8 snin. Jgħid li f’dawn il-laqgħat jagħmel il-qalb għax jara ‘l uliedu ferħana u jistennew bil-ħerqa l-laqgħa ta’ kull xahar u minn qabel jibdew ilestu ħwejjiġhom għal din il-laqgħa, saħansitra jgħaddu l-ħwejjeġ huma stess.

Qabel uliedu ma kinux interessati li jidhru ndaf u puliti jew ifasslu xi jridu jagħmlu. Ibnu kien joqgħod jaħli l-ħin jiġri fit-triq. “Jien ferħan ħafna li ibni issa beda jieħu interess fl-affarijiet tad-dar fosthom imur jixtri l-ħaxix u billi għandu diffikultà biex jitkellem jiktbulu lista tal-affarijiet li jridu u jeħodha lil tal-ħanut”. Dawn il-laqgħat ressquh aktar lejn uliedu u qed jifhimhom aktar.

“Jien kont nirrabja ħafna u nittrattahom b’mod iebes meta joħolqu xi problema, imma issa inħossni aktar kalm u naf nittratta magħhom b’ġentilezza. Il-laqgħat għenuni nirrealizza li uliedi mhumiex piż imma rigal”, qal il-missier.

Inayat Aslam, ta’ 19-il sena, jieħu l-leave mix-xogħol biex jattendi għal-laqgħa kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar.  Hu jtemtem u għandu wkoll difett fil-vista u dan żammu lura fl-edukazzjoni. Issa jieħu gost imur il-laqgħat u jitgħallem it-talb. Dan il-bdil fl-atteġġjament tiegħu ġab bidla sħiħa f’ħajtu tant li rnexxielu jsib impjieg ġdid li minnu qed jaqla’ $72 fix-xahar biex jgħin lill-familja u ħaġa ferm importanti hi li issa jħossu li qed jaqla l-ħobża għall-familja, jħossu indipendenti flok dipendenti fuq il-familja u sar jirrispetta aktar lilu nnifsu.