Isqof iwaqqaf it-tqarbin jekk ma jkunx hemm saċerdot preżenti

L-Isqof ta’ Santa Rosa f’Kalifornja ordna li immedjatament, fid-djoċesi tiegħu ma jsirx aktar tqarbin jekk ma jkunx hemm saċerdot preżenti għax qal li din il-prattika ma taqbilx mal-istruzzjonijiet tas-Santa Sede.

L-Isqof Robert Vasa qal lill-Kattoliċi tad-djoċesi tiegħu li mill-1 ta’ dan ix-xahar dan is-servizz għandu jieqaf. Hu kkwota struzzjoni tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti li kienet ħarġet fl-2004 li tgħid li l-Isqfijiet Djoċesani m’għandhomx jagħtu permessi faċli għas-servizz tat-tqarbin fi ġranet matul il-ġimgħa, speċjalment f’postijiet fejn hemm il-possibbiltà li fil-ġurnata tal-Ħadd ikun hemm quddies.

L-Isqof Vasa qal li saret drawwa f’ħafna parroċċi u istituzzjonijiet fejn djakni jew lajċi jagħmlu servizzi tat-tqarbin kemm fil-Ħdud kif ukoll matul il-ġimgħa avolja ma jkunx hemm saċerdot biex iqaddes.

“Din il-prattika popolari mhix konsistenti mal-istruzzjonijiet tal-Vatikan u r-rispett tagħna lejn l-Ewkaristija jitlob li nieħdu bis-serjetà id-direttivi tal-Knisja.

Il-Kappillani għandhom jagħmlu arranġamenti biex il-lajċi jorganizzaw servizzi ta’ talb skont il-Liturġija tas-Sigħat jew jorganizzaw il-Liturġija tal-Kelma (l-ewwel parti tal-quddiesa) fejn id-Djaknu jkun jista’ jipprietka. Iżda f’dawn is-servizzi ma għandux ikun hemm tqarbin.

Dawk li jqarbnu lill-morda jew dawk li ma joħorġux mid-dar, taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom iżommu s-Sagrament fid-dar privata tagħhom.