Il-Knisja fl-Istati Uniti “patetika” kontra r-razziżmu

L-Isqof George Murry ta’ Ohio, li qed imexxi l-Kumitat Kontra r-Razziżmu  tal-Konferenza Episkopali Amerikana, qal li l-Kattoliċi Amerikani wrew “nuqqas ta’ kuxjenza morali fil-kwestjoni tar-razziżmu” u sejjaħ biex ikun hemm azzjoni qawwija mill-Knisja biex “tkisser il-kompliċità silenzjuża mal-pjaga soċjali tar-razziżmu li qed tkompli anke llum."
F’indirizz b’saħħtu lill-Kattoliċi involuti fil-Ministeru Soċjali, l-Isqof qal li għalkemm sar xi progress, ġrajjiet riċenti fil-pajjiż ipoġġu fid-dubju kemm imxejna f’dan ir-rigward.
“Filwaqt li l-Knisja madwar id-dinja qed tiġġieled għad-dinjità u l-ugwaljanza, donnu li l-Knisja fl-Istati Uniti ma rnexxilhiex tieħu azzjoni deċiżiva u mhux kapaċi toħroġ prinċipji ċari dwar ir-razziżmu”, ilmenta l-Isqof Murry.
Hu wiegħed li se jimpenja ruħu biex jgħin lill-Knisja tkun vuċi konsistenti u produttiva biex tinqered din il-pjaga. Hemm pjan biex issir laqgħa ekumenika tal-mexxejja reliġjużi aktar tard dan ix-xahar, laqgħat madwar il-pajjiż u “konverżazzjoni nazzjonali dwar ir-razez” fil-parroċċi, fil-knejjes u f’istituzzjoni Kattoliċi oħra.
Fl-1979 il-Konferenza Episkopali Amerikana kienet ħarġet pastorali dwar is-suġġett imma l-isqfijiet infushom iħossu li ftit sar progress, u sostnew li raw “rispons patetiku u bla ħeġġa" mid-djoċesijiet madwar il-pajjiż kollu u l-pastorali ftit li xejn ħalliet impatt fuq il-Kattoliċi Amerikani.
Minn stħarriġ li għamel l-Isqof Murry sab li 18% biss tal-Isqfijiet Amerikani ħarġu stqarrijiet kontra r-razziżmu mill-1979 'l hawn. “Ir-razziżmu hu l-aktar dnub persistent fl-Amerika, il-Knisja fl-Amerika baqgħet siekta dwar is-sinjifikat ta’ din il-pjaga."
L-istess stħarriġ wera li l-Amerikani ta’ ġilda samra għandhom biss 10 ċenteżmi għal kull dollaru ta’ Amerikani b’ġilda bajda. Din id-differenza fil-ġid hi kbira ħafna.
Id-differenzi razzjonali huma evidenti wkoll fejn jidħlu s-saħħa u l-ħajja għax il-bojod jgħixu medja ta’ 18-il sena aktar mis-suwed. L-aċċess għas-servizzi mediċi mhux privileġġ imma dritt.
L-Isqof Murry qal li  “l-Kattoliċi ma jistgħux joqogħdu fuq iċ-ċint jaraw mill-bogħod dak li qed jiġri madwarhom.
Il-Knisja fl-Amerika trid tagħraf li Kristu jridna nġarrfu l-ħitan mibnija mir-razziżmu. kemm jekk dan jintwera fil-beraħ biex jarah kulħadd. u anke jekk hu midfun fi qlubna.
Jekk ma nagħmlux hekk l-istorja se tibqa’ tirrepeti ruħha u l-Knisja tibqa’ tidher siekta quddiem ir-razziżmu”.