Isqof imur ‘sky diving’ biex jiġbor flus għal morda f’Lourdes

L-Isqof Moth ta' Brighton (taħt) jaqbeż minn għoli ta' 15,000 pied

“Il-Moth illandja”, kitbet fuq tweet id-Djoċesi ta’ Arundel u Brighton fl-Ingilterra.

Din it-tweet fuq il-paġna tal-Facebook tad-djoċesi saret biex tassigura lin-nies li l-Isqof Richard Moth li għandu 60 sena, kien wettaq il-wiegħda tiegħu li jmur ‘sky diving’ u kien qawwi u  sħiħ.

Akkumpanjat minn Lucy Barnes, għalliema fi skola kattolika lokali, l-Isqof Moth qabeż minn ajruplan li kien qed itir f’għoli ta’ 15,000 pied biex jiġbor flus ħalli jgħin morda jmorru pellegrinaġġ f’Lourdes.

“Niżel mill-ajru b’faċilità kbira”, kienet tgħid tweet oħra b’referenza għall-Isqof Moth. Il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales kitbet: “Dak għasfur? Dak ajruplan? Stenna… dak Isqof!”

Il-mira kienet li jinġabru 3,000 Lira Sterlina, iżda l-Isqof irnexxielu jiġbor 5,160 Lira Sterlina min inizjattiva ta’ ‘crowd-funding’ fuq is-sit elettroniku tad-djoċesi.

Fi stqarrija l-Isqof Moth qal: “Trid tafda fil-persuna li tkun se taqbeż magħha u fl-attrezzatura li jkollok. In-nies huma professjonali ħafna u ħadu ħsiebna sew”. Kemm l-Isqof kif ukoll Lucy Barnes qabżu flimkien, marbuta ma’ instructor.

Barnes qalet li “f’għoli ta’ 15,000 pied kien hemm kesħa kbira u fil-minuta tal-qabża libera rasi bdiet  iddur bija, imma mbagħad l-inżul bil-mod il-mod bil-paraxut miftuħ kienet esperjenza fantastika fejn stajt tara dak kollu li hemm madwarek”.

Mistoqsija jekk jerġgħux jagħmluha, l-Isqof Moth wieġeb “Għandi mnejn”, iżda Barnes qalet “Ma nerġax nitla’ hemm fuq. Kuntenta li ninsab lura fl-art u nkun aħjar wara ikla ħut u chips u ġin u tonic.

L-Isqof Moth għamel sitt snin Isqof tal-Forzi Armati imma kien biss wara li ħalla din il-kariga li ddeċieda li jagħmel din il-qabża biex jiġbor flus biex jibgħat żewġ persuni b’diżabilità, akkumpanjati, lejn Lourdes.

Kull sena id-djoċesi ta’ Arundel u Brighton torganizza pelegrinaġġ ta’  ġimgħa għal Lourdes. Aktar minn 700 persuna jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ li 120 minnhom ikunu morda, anzjani jew persuni b’diżabilità u l-Knisja tagħmel attivitajiet biex tiġbor fondi ħalli tissussidja l-vjaġġ u l-akkomodazzjoni ta’ dawn in-nies.