Isqof fil-Mozambique jappella biex jieqfu l-attakki armati

Il-Papa Franġisku żar il-Mozambique f’Settembru li għadda

Quddiem mewġa ta’ attakki armati fil-provinċji ċentrali tal-Mozambique, imwettqa minn fergħa ta’ dissident li qed issejjaħ lilha nnifisha “Il-Ġunta Militari ta’ Renamo”, l-Isqof Jao Carlos Nunes, kelliem għall-Konferenza Episkopali tal-Mozambique, appella biex id-differenzi li jeżistu jkunu mwittija permezz tad-djalogu.

Mons. Nunes li hu l-Isqof tad-djoċesi ta’ Chimoio li jmexxi wkoll il-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni Soċjali tal-Isqfijiet tal-pajjiż, qal li l-aħħar wieħed minn dawn l-attakki seħħ meta karrozza tal-linja kienet għaddejja f’Muda Serracao fil-provinċja ta’ Manica u grupp armat spara fuqu u ntlaqtu żewġ passiġġieri.

Responsabbiltà

Ħafna mill-attakki qed iseħħu fil-provinċji ta’ Manica u Sofala li jinsabu fil-kontroll tal-grupp imsemmi u huwa mmexxi mill-Ġeneral Mariano Nhongo.  Il-Ġunta ħadet responsabbiltà għal diversi attakki li saru minn Ottubru li għadda ‘l hawn wara l-elezzjonijiet li kien hemm fil-pajjiż u li r-riżultat tagħhom qed ikun kontestat.

Fis-6 ta’ Awwissu li għadda kien intlaħaq Ftehim ta’ Paċi bejn il-President tal-pajjiż, Filipe Myusi u l-kap tar-Renamo, Ossufo Momade li suppost kellu jibda era’ ġdida fil-politika tal-Mozambique. Iż-żjara li l-Papa Franġisku għamel fil-pajjiż f’Settembru li għadda kellha bħala wieħed mill-iskopijiet tagħha, li l-Kap tal-Knisja Kattolika joffri l-appoġġ tiegħu għal dan il-ftehim u jsaħħaħ il-proċess tal-paċi.

Riżultat elettorali

Għalkemm ir-riżultat elettorali ta’ Ottubru li għadda qed ikun kontestat u wassal għal Ħafna nkwiet fil-pajjiż, għad hemm tama li l-Ftehim għall-Paċi jinżamm. Rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Għaqda Afrikana qed jagħmlu sforzi kbar biex jassiguraw li dan il-Ftehim jiġi fis-seħħ.

Il-korrispondent tal-Vatican News f’Maputo qal li l-appell tal-Isqof Nunes għandu jservi biex jiġbed l-attenzjoni tal-poplu favur il-paċi għax dak li ntrebaħ s’issa malajr jista’ jintilef.