Isqof fil-Ghana jilmenta fuq l-influwenza Ċiniża fil-pajjiż

Isqof fil-Ghana qed jgħid li l-influwenza Ċiniża fil-pajjiż qed tikber u qed twassal biex ħafna qed iħossuhom “priġunieri f’darhom stess.”

Fi prietka rekordjata fuq filmat li qed idur il-pajjiż kollu, l-Isqof Joseph Francis KwekuEssien ta’ Wiawso qal li n-numru dejjem jikber ta’ negozji ta’ Ċiniżi fil-pajjiż qed iġib il-qgħad fost il-poplu tal-Ghana.

“Sirna priġunieri fis-sens li, f’pajjiż bħal tagħna, li għandu minjieri tad-deheb, djamanti, għandu ħafna injam, jipproduċi l-kawkaw b’abbundanza u għandu diversi riżorsi oħra, u issa anke nstab iż-żejt fi kwantitajiet kummerċjali, imbagħad tmur fi sptar, jekk mhux fl-isptarijiet kollha tal-pajjiż, u ara x’inhu jsir fihom. Nisa tqal mitluqa mal-art. Qisna eżiljati. Qisna priġunieri,” sostna l-Isqof.

L-emigrazzjoni taċ-Ċiniżi lejn il-Ghana bdiet fis-snin 40 meta kemm il-Ghana kif ukoll Hong Kong kienu jiffurmaw parti mill-Imperu Ingliż. Aktar tard meta ċ-Ċina bdiet tinvesti bil-qawwi fil-pajjiż – speċjalment fl-industrja tal-minjieri – fil-Ghana waslu aktar negozjanti Ċiniżi tant li ħafna Ċiniżi kienu arrestati għax bdew jaħdmu fil-minjieri b’mod illegali.

Għalkemm qatt ma sar ċensiment uffiċjali, esperti jistmaw li l-popolazzjoni Ċiniża fil-Ghana tlaħħaq għal madwar 700,000 persuna.

In-negozjanti Ċiniżi jmorru fil-pajjiż għal ftit żmien u wara li jagħmlu fortuna jirritornaw lejn iċ-Ċina. It-tensjoni bejn iċ-Ċiniżi u l-komunitajiet tal-Ghana qed jiħraxu biċ-Ċiniżi jkunu akkużati li qed jinjoraw il-liġijiet tal-pajjiż fejn jidħol in-negozju u x-xogħol. Min-naħa tagħhom iċ-Ċiniżi jakkużaw lill-Gvern b’razziżmu.

Ir-rimarki tal-Isqof KwekuEssien li fost affarijiet oħra qal ukoll li l-belt ta’ WassaAkropong “hi infestata biċ-Ċiniżi” filwaqt li jirriflettu l-verità tas-sitwazzjoni, mhux se jgħinu biex tonqos it-tensjoni bejn il-komunitajiet.