Isqof fil-Filippini jikkundanna l-qtil ta’ attivista favur id-drittijiet umani

L-Isqof Alminaza tal-Filippini jikkundanna l-qtil ta' attivista fvur id-drittiiet umani

L-Isqof Gerardo Alminaza ta’ San Carlos fil-Filippini, appella biex jieqaf il-qtil fil-provinċja ta’ Negros Oriental, wara li nqatel attivistà ieħor favur id-drittijiet umani. Hu qal li dan il-qtil barbaru u kalkulat, irid jieqaf. Dan it-tip ta’ delitti ma jistgħux ikunu tollerati aktar.

Bernardino Patigas Sr., Kunsillier fil-belt ta’ Escalante li kien jaħdem ħafna ma’ gruppi favur id-drittijiet umani inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fit-22 ta’ April. Dan il-qtil seħħ tliet ġimgħat wara li pulizija b’wiċċhom mgħammad qatlu 14-il bidwi ieħor fl-istess provinċja.

Barra mill-ħidma tiegħu favur id-drittijiet umani, Patigas kien ukoll President tal-Kunsill Pastorali tal-parroċċa u msieħeb fil-missjoni Karmelitana fil-belt ta’ Escalante.

L-Isqof qal li Patigas ħadem bla waqfien għall-programm magħruf bħala “Basic Ecclesial Communities” tal-parroċċa tiegħu u ta ħajtu biex jaqdi u jgħin lill-ħaddiema fl-għelieqi tal-kannamili fuq il-gżira ta’ Negros, li kienu qed ikunu sfruttati.

“Bil-ħidma bla waqfien tiegħu favur il-kawża tal-foqra, spiss kienu ikollu theddid fuq ħajtu u tfixkil fix-xogħol tiegħu” qal l-Isqof Alminaza.

Hu appella lill-Gvern biex jinvestiga serjament il-qtil ta’ Patigas u diversi każi oħra ta’ vjolenza li qed iseħħu fil-provinċja.

“Nitlob minn qalbi biex flok iwettqu atti ta’ vjolenza, dawn in-nies jiftħu għajnejhom għall-verità li l-ħajja hi prezzjuża u li l-qtil huwa dnub”, saħaq l-Isqof.