Isqof fil-Filippini jiddefendi l-ħaddiema minn akkuża li huma spiji fiċ-Ċina

Il-President tal-Filippini, Rodrigo Duterte, mal-President Ċiniż Xi Jinping

Wara li diplomatiku Ċiniż allega li ħaddiema mill-Filippini li qed jaħdmu fiċ-Ċina huma spiji, Isqof Kattoliku ddefenda lill-ħaddiema u sejjaħ din l-akkuża bħala waħda “impossibbli, bla bażi u ma titwemminx”.

Zhao Jianhua, l-ambaxxatur Ċiniż f’Manila, nhar il-Ħadd li għadda għamel dawn ir-rimarki dwar il-ħaddiema Filippini wara li s-Segretarju tad-Difiża tal-Filippini, Delfin Lorenzana wera tħassib li postijiet tal-logħob tal-azzard immexxija miċ-Ċiniżi u li jinsabu qrib bażijiet militari jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ spjunaġġ.

L-Isqof Ruperto Santos ta’ Balanga li jmexxi l-Kummissjoni Emigranti tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini sostna li “ebda ħaddiem Filippin qatt ma kien issusspettat jew akkużat bi spjunaġġ”.

L-Awtorità tal-Istatistika tal-Filippini tqis li l-għadd ta’ ħaddiema Filippini jaħdmu barra l-pajjiż (OFWs) bejn April u Settembru tas-sena li għaddiet kien madwar 2.3 miljuni. Esperti jaħsbu li dan in-numru hu ferm akbar.

200,000 Filippin jaħdmu fiċ-Ċina

Fiċ-Ċina hemm jaħdmu madwar 200,000 ħaddiem mill-Filippini li 90% tagħhom jgħixu f’Hong Kong.

“Il-ħaddiema Filippini huma mfittxija ħafna għax huma nies impenjati, jaqdu dmirijiethom u għandhom il-biża’ ta’ Alla” qal l-Isqof Santos lis-servizz tal-aħbarijiet tal-Konferenza Episkopali tal-pajjiż.

“Hi realtà magħrufa li dawn il-ħaddiema jfittxu xogħol barra l-pajjiż għax iħobbu l-familji tagħhom u jixtiequ jagħtuhom futur aħjar”, sostna l-Isqof.

Il-Ministru tad-Difiża ddeskriva l-allegazzjoni tal-ambaxxatur Ċiniż bħala waħda nieqsa minn kull verità u żied li ma hemm ebda paragun bejn il-Filippini li jaħdmu fiċ-Ċina b’kuntratt u ċ-Ċiniżi jaħdmu f’casinos qrib bażijiet militari.

Fi stqarrija l-Ministru Lorenzana qal li l-ħaddiema Filippini jmorru ċ-Ċina għal xogħol speċifiku leġittimu u jkollhom viża Ċiniża.

138,000 Ċiniż jaħdmu fil-Filippini

Sadattant hemm madwar 138,000 ħaddiema Ċiniż fil-Filippini jaħdmu fl-industrja tal-logħob tal-azzard li ħafna minnhom daħlu fil-pajjiż b’mod illegali u mbagħad li status tag]hom kien regolarizzat.

Il-President Duterte pprova jmewwet it-tilwima bejn il-Ministru Filippin u d-diplomatiku Ċiniż. Kemm ilu fil-poter qed jipprova jdawwar l-allenza tradizzjonali ta’ pajjiżu mal-Istati Uniti għal relazzjonijiet eqreb maċ-Ċina.

Protesti diplomatiċi

L-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX qalet li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Filippini għamel protesti uffiċjali wara l-ċ-Ċina f’Lulju u anke f’dan ix-xahar bagħtet vapuri tal-gwerra li daħlu fl-ibħra fin-nofsinhar tal-Filippini.

Lejn tmiem dan ix-xahar il-President Duterte mistenni jżur iċ-Ċina fejn mistenni jiddiskuti dawn l-affarijiet .

L-Isqfijiet tal-Filippini kkritikaw ir-relazzjonijiet ta’ Duterte maċ-Ċina. Il-protest diplomatiku sar wara li l-bastimenti Ċiniżi daħlu bla permess fl-ibħra territorjali tal-Filippini. “Forsi fl-aħħar il-Gvern tagħna se jieħu azzjoni kontra ‘l-bully tal-Asja’” qal l-Isqof Arturo Bastes ta’ Sorsogan. “Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jagħmlu xi ħaġa bis-serjetà biex jipproteġu l-pajjiż li bil-mod il-mod qed jittieħed mit-tiranni”.