Isqof Ċiniż jinħeles wara 27 ġurnata

L-Isqof Peter Shao Zhumin ta’ Wenzhou fiċ-Ċina, li mhux rikonoxxut mill-Gvern tal-pajjiż għax inħatar mill-Vatikan, inħeles wara li kien ilu 27 ġurnata mill-pulizija li matulhom kien imġiegħel jattendi “seminar reliġjuż” biex ikun konvint jingħaqad mal-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika taċ-Ċina u jġiegħel lill-Vatikan biex immedjatament jaħtar Isqof Koadjutur li jkun ġej mill-komunita’ ta’ isqfijiet rikonoxxuta mill-Gvern Ċiniż.
L-Isqof Shao Zhumin kien inħataf mill-pulizija fit-18 ta’ Mejju u nżamm f’post sigriet.  Issa irritorna fid-djoċesi tiegħu iżda ma jidhirx li hu liberu għal kollox għad għandu miegħu skorta tal-pulizija. Hu qed jinżamm taħt kontroll għax il-funzjonijiet reliġjuħi li jagħmel hu huma meqjusa illegali peress li mhux rikonoxxut mill-istat bħala Isqof.
Is-seminar li l-Isqof kien sfurzat li jattendi kellu żewġ skopijiet ewlenin.  L-ewwel skop kien biex l-Isqof ikun imġiegħel jitlob lill-Vatikan jaħtarlu Isqof Koadjutur minn fost “l-isqfijiet uffiċjali” jiġifieri dawk tal-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika għax għalkemm din l-assoċjazzjoni trid timponi l-awtonomija u l-ordinazzjonijiet episkoplai tagħha, l-approvazzjoni tas-Santa Sede xorta hi meħtieġa biex l-Isqof il-ġdid ikun aċċettat mill-komunita’.
It-tieni skop biex jippruvaw jikkonvinċu lill-Isqof Shao Zhumin jingħaqad mal-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika u jipparteċipa fil-Kunsill tal-Isqfijiet tagħha.  L-Assoċjazzjoni trid tibni Knisja Ċiniża li tkun indipendenti mill-Vatikan u l-Kunsill tal-Isqfijiet jabbraċċja lill-Isqfijiet kollha, anke dawk mhux nominati mill-Vatikan li bħalissa huma skomunikati mill-Knisja Kattolika.
Dan l-Isqof kien diġa’ nħataf mill-Pulizija f’April li għadda, ftit jiem qabel l-Għid il-Kbir. Fiid-djoċesi ta’ Whenzou hemm madwar 120,000 nisrani li aktar minn 80,000 minnhom jobdu lill-Isqof Shao Zhumin u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom fil-moħbi.