Isqof Brażiljan wieħed jikkritika d-Dokument tas-Sinodu

L-Isqof Braziljan li kkritika d-Dokument tas-Sinodu

Fil-Brażil, ħafna mill-kritika mmirata lejn is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amazonia li qed jiltaq’ Bħalissa fil-Vatikan, ġiet min-naħa tal-Gvern u mhux minn membri tal-Knisja, ħlief għall-Isqof Josè Luis Azcona li lissen tħassib dwar id-dokument preparatorju tas-Sinodu li qal li hu “dgħajjef u inkonsistenti”.

Madankollu dan l-Isqof iddistanzja l-kritika tiegħu mill-President tal-pajjiż, Jair Bolsonaro tant li akkużah li jrid jindaħal fl-affarijiet tal-Knisja.

Skont l-Isqof Azcona l-Instrumentum Laboris jeskludi lil Kristu Msallab meta jitkellem dwar temi ċentrali bħalma huma l-ħolqien, il-kulturi, id-djalogu, il-kultura, id-djalogu pastorali u t-tama.

“Dan hu nuqqas li jinkwetani għax juri biża’ pastorali u ekklesjastika li twassal għal sekulariżmu li għandu effett fuq il-qalb tal-Knisja u tas-Sinodu”, qal l-Isqof f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX.

Djalogu ta’ Evanġeliżazzjoni

 Hu qal li jekk il-Knisja ma tiffukax fuq djalogu ta’ evanġeliżazzjoni, tkun qed tirrendiha lilha nfisha bħala Organiżazzjoni Mhux Governattiva kbira li tispeċjalizza fl-umaneżmu.

Madankollu, l-Isqof jinsisti li hu mhux kontra s-Sinodu imma biss kontra d-dokument Instumentum Laboris u l-kritika tiegħu ma tolqotx lill-Papa.

“Għall-kuntrarju, jien nuża kwotazzjonijiet tal-Papa li huma kontra dak li hemm fl-Instrumentum Laboris u nikkritikah għax fl-affermazzjonijiet ewlenin tiegħu ma assimilax l-Enċiklika Laudto Si”.

Azcona sostna li d-Dokument tas-Sinodu ma fihx is-sinjifikant ewlieni tal-kunċett tal-“konverżjoni ekoloġika anzi kisser is-sens tagħha u daħal f’aspetti li għalkemm important m’humiex essenzjali fil-kunċett  r-realtà tal-konverżjoni ekoloġika”.

Hu qal li ħafna paġni f’dan id-Dokument huma mtebba’ bl-ereżija ta’ Pelaġju li kien attakka Santu Wistin għax iġġib fix-xejn ir-rwol tal-grazzja divina fis-salvazzjoni. Dan ma jisnabx fit-tagħlim tal-maġiseru tal-Papa Franġisku fosthom fid-dokumenti Evangelii Gaudium u Gaudete et Exsultete.

Għalhekk it-test tad-Dokument tas-Sinodu hu dgħajjef u nkonsistenti u jixhed ħsieb uniku u allura perikoluż għal-liberta’ tal-ħsieb fil-Knisja u partikolarment fl-Amazonia.

L-uniku dissent

Dawn il-kummenti iebsa tal-Isqof Azcona huma espressjoni unika ta’ dissent min-naħa tal-Isqfijiet Brażiljani li ma tkellmu xejn dwar dan id-Dokument.

Fil-Brażil l-akbar kritiċi tas-Sinodu tal-Amazonia hi l-amministrazzjoni tal-President Bolsonaro. Il-Gvern qal li qed isegwi l-laqgħa tal-Vatikan biex jassigura li din ma tindaħalx fis-sovranita’ ta’ pajjiżu li jikkontrolla 60% tar-reġjun tal-Amazonia.

Rapport pubblikat fil-ġurnal Brażiljan O Estado ta’ São Paulo tgħid li l-amministrazzjoni ta’ Bolsonaro tqis il-Knisja fil-Brażil bħala parti mill-oppożizzjoni xellugija.

 L-Isqof Azcona qal li l-Gvern tal-Brażil jinsa li l-Knisja poter divin – li ma ngħatax lilha u ma jiddependix mill-poter ċivili – biex tippriedka l-Evanġelju fis-soċjetà u anke fil-qasam politiku.

“Għalhekk l-attentati tal-Gvern li jindaħal f’affarijiet li m’humiex fil-kompetenza tiegħu hu frott ta’ immobilità anakronistika”.

L-Isqof temm jgħid li hu ma jopponix lill-Papa u anqas lis-Sinodu. Anzi jaħseb li s-Sinodu hu opportunità unika fl-istorja tal-Knisja biex tiddiskuti temi li qatt ma laqtu daqshekk l- umanità. Il-problema tiegħu hi biss mal-kontenut tad-Dokument tas-Sinodu. Is-Sinodu hu opportunità biex iħabbar l-Evanġelju tas-Salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu.