Isqof Awstraljan jilmenta dwar il-kundizzjonijiet tad-detenturi f’Papua New Guinea

Detenuti jipprotestaw dwar il-kundizzjonijiet ħżiena li qed jinżammu fihom

F’nota li bagħat lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, l-Isqof Vincent Van Long tad-djoċesi ta’ Paramatta fl-Awstralja, ilmenta mill-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom id-detenuti f’Papua New Guinea.

“Smajt bil-kundizzjonijiet ħżiena li fihom qed jinżammu r-refuġjati u dawk li qed ifittxu ażil f’Papua New Guinea. Wara li ltqajt ma uħud minnhom irrealizzajt li s-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha hi waħda inumana u l-istorja tat-tbatija tagħhom messitli qalbi. Il-laqgħa ma’ dawk li qed ifittxu ażil tatni l-opportunità li nesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħi, it-talb u r-rieda tajba tal-poplu Awstraljan, li għandu tradizzjoni kbira li jilqa’ l-emigranti u r-refuħjati. Jien grat għal din il-laqgħa imma inkwetat dwar il-kundizzjoni tagħhom”.

L-Isqof li hu responsabbli mill-Kummissjoni Emigranti u Refuġjati tal-Konferenza Episkopali Awstraljana, iltaqa’ ma numru ta’ refuġjati u nies ifittxu ażil mill-gżejjer ta’ Nauru u Manus, f’Papua New Guinea.

Kundizzjonijiet inumani

Dawn iż-żewġ gżejjer li jinsabu f’nofs l-Oċean Paċifiku fihom ħafna kampjiet ta’ refuġjati fejn jintbagħtu u jinżammu emigranti u refuġjati  fi triqthom lejn l-Awstralja u jinżammu f’kundizzjonijiet inumani, wara li t-talba tagħhom tkun rifjutata. Dawn ir-refuġjati issa ilhom jgħixu f’dan il-limbu għal numru ta’ snin u ħafna minnhom jinsabu fi stat ta’ disperazzjoni fiżika u psikoloġika u kien hemm min għamel suwiċidju biex jeħilsu mit-tbatija tagħhom.

Mons. Van Long tkellem dwar din il-laqgħa li saret fl-aħħar jiem f’Port Moresby, bejn delegazzjoni ta’ seba’persuni tal-Knisja Awstraljana u xi refuġjati li ilhom maqbuda f’Papua New Guinea għal numru ta’ snin.

Waqt din iż-żjara l-Isqof kellu ċ-ċans iżur xi djar li l-Gvern ta’ Papua offra lill-emigranti. Din l-inizjattiva tnediet f’Awwissu li għadda bil-ħsieb li dawk li qed ifittxu ażil ikunu trasferiti mill-gżira ta’ Manus għall-kapitali ta’ Papua u joffrulhom akkomodazzjoni deċenti u kura medika.

Refuġjati ddisprati

“Din is-soluzzjoni, li hi pass ‘l quddiem, ma tantx għoġbot li r-refuġjati detenuti”, qal l-Isqof wara li żar lill-emigranti.  “Nappella lill-Knisja Kattolika lokali biex tkompli toffri għajnuna umanitarja u nassigurakom  mill-appoġġ sħiħ tal-Knisja Awstraljana u l-komunitajiet tagħha”.

Mill-2013 ‘l hawn il-Gvern Awstraljan adotta politika “No Way” u għalaq il-pajjiż għall-emigranti.  Il-kosta hi mgħassa b’bastimenti navali u dawk li jaslu bil-vapuri ma għandhomx dritt legali li jibqgħu fil-pajjiż. Xi emigranti jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u oħrajn jispiċċaw fuq il-gżira ta’ Manu, territorju ta’ Papua New Guinea jew il-għira ta’ Nauru fejn hemm kampjiet tar-refuġjati fejn jibqgħu għal perjodi twal.