Isqof Awstraljan jappella biex is-saċerdoti jimxu fuq il-mudell tal-Papa Franġisku

L-Isqof Vincent Lang Van Nguyen ta’ Paramatta fl-Awstralja, f’laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali tas-Saċerdoti fl-Awstralja appella biex jieqaf il-Klerikaliżmu fil-Knisja u wera t-tama li mill-iskandli sesswali li regħdu l-Knisja Kattolika fl-Awstralja, joħroġ kleru mġedded u b’ħajja ġdida.
Van Nguyen li għandu 55 sena li hu mill-ordni Franġiskan Konventwali, inħatar Isqof is-sena l-oħra.  Hu kiteb lill-Kummissjoni Rjali li kienet qed tinvestiga l-abbużi sesswali fuq it-tfal inkluż fil-Knisja Kattolika, fejn qal li  anke hu kien abbużat minn membri tal-knisja, bħala adult.
Lis-saċerdoti qalilhom “Ninsabu f’taħwida manja” bħala qassisin “u rridu naċċettaw ir-rabja kbira u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-pubbliku wara l-kriżi tal-iskandli sesswali. Dan hu wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli biex wieħed ikun saċerdot”.
Appella lill-qassisin biex iħrasu lejn l-eżempju tal-Papa Franġisku bħala saċerdozju bażat fuq mudell ta’ serv u mhux mudell awtoritarju. Meta l-Papa Franġisku kien elett hu evita is-soliti nasbiet u talab lill-poplu jitlob għalih. “Dak kien is-sinjal profetiku ta’ dan is-seklu”, qal l-Isqof Van Nguyen.
“Ħadulna t-tapit minn taħt saqajn.  Hemm bżonn bidla fl-attitudni f’kull livell, irridu konverżjoni tal-moħħ u l-qalb li tagħmilna konformi mal-ispirtu tal-Vanġelu, inbid ġdid fi btieti ġodda u mhux sempliċement bidla kosmetika, jew agħar minn hekk. Fl-Awstralja, is-saċerdozju m’għadux igawdi ir-rispett u l-poter li xi darba kellu. Għal ħafna żgħażagħ, din il-vokazzjoni ma għadx għandha dik l-awra mistika u affaxxinanti”. Għalhekk appella lill-qassisin biex jabbraċċja il-mudell ta’ mexxej li jservi.
“Jekk ma jkollniex il-kuraġġ li naraw kemm tbiegħdna mill-viżjoni ta’ Kristu, jekk mhux lesti li mmorru ‘l hinn mis-sintomi u nesploraw fil-fond il-problemi li hemm taħt il-wiċċ, jekk ma nindmux ġenwinament minn dnubietna, nitilqu l-poter u nsiru mexxejja li nservu, inkunu fallejna mit-test tal-integrita u mill-missjoni tagħna”, wissa l-Isqof ta’ Paramatta.
“Meta fil-Knisja, l-privileġġi, il-poter u d-dominanza huma aktar evidenti mill-imħabba, l-umilta’ u s-servitudni, allura l-Vanġelu ta’ Kristu li jservi ikun f’riskju”. Appella lill-qassisin biex iħarsu lejn il-ministeru tagħhom bħala kontrapiż għaż-żina umana għall-poter u d-dominanza u biex bħal Ġesu’ ikunu ma’ dawk emarġinati u vulnerabbli.
“Jekk wieħed jara d-direzzjoni li qed jagħtina l-Papa Franġisku jara ċaqlieqa mis-sigurta’ lejn il-kuraġġ, mill-introvert għall-estrovert, mit-tħassib biex inżommu kollox kif inhu u nħarsu l-privileġġi għal li nkunu vulnerabbli u nitgħallmu nwasslu l-kompazzjoni ta’ Kristu lil dawk li huma fil-periferija tas-soċjeta u tal-Knisja”, kompla l-Isqof.
“L-Imħabba inkondizzjonata ta’ Alla, il-ħniena bla tarf, l-inklussivita’ radikali u l-ugwaljanza irridu npoġġuhom f’ġarar ta’ umilta’, kompassjoni u ċaħda tal-poter. It-trijunfaliżmu, l-awtoritarjaniżmu, is-supremazija, is-superjorita u r-riġidita, qed jitkissru. Il-vokazzjoni tal-mexxej Kattoliku hi li jkun man-nies tiegħu fit-tamiet, il-ġlidiet, l-ansjeta’ u l-biża’ tagħhom”, temm jghid l-Isqof lis-saċerdoti Awstraljani.