Isqof Amerikan jikteb lill-insara wara l-iskandlu tal-ex Kardinal McCarrick

L-Isqof Michael Olson inkwetat mill-ħsara li l-abbużi ta' McCarrick għamlu lill-Knisja.

L-Isqof Michael Olson tad-djoċesi ta’ Fort Worth fl-Istati Uniti f’dawn il-jiem ħass il-bżonn li jikteb lill-insara tad-djoċesi  dwar dak li għamel l-ex Kardinal McCarrick u l-protezzjoni tal-minuri u persuni vulnerabbli fid-djoċesi tiegħu.

L-Isqof qal li fil-Knisja il-ministeru hu grazzja minn Alla li jġorr ħafna responsabbiltà. Ħadd ma għandu dritt għall-ministeru għax dan hu sejħa bażata fuq il-fiduċja li nistgħu nirċievu għaliex aħna mgħammdin fil-Knisja li waqqaf Alla.

Fl-atti skandalużi u d-dnubiet li allegatament għamel l-ex Kardinal McCarrick, wieħed jara t-tkissir ta’ dik il-fiduċja u l-ħsara gravi li saret fil-ħajja u s-saħħa tal-vittmi ta’ dawn l-atti. Dan l-iskandlu u dan l-uġiegħ ikomplu jikbru minħabba l-fatt li allegatament wieħed mill-vittmi hu l-ewwel tifel li McCarrick għammed wara li kien ordnat saċerdot.

Is-Santa Sede neħħiet lill-ex Kardinal mill-ministeru li kellu wara investigazzjoni li sabet li l-allegazzjoni li abbuża sesswalment minn żagħżugħ 50 sena ilu meta kien iservi bħala saċerdot fi New York, hi kredibbli. Kull jum li jgħaddi qed inisru nafu li l-ex Kardinal, allegatament mhux biss abbuża minn minuri imma anke minn saċerdoti, seminaristi u lajċi li kienu jaqgħu taħtu. L-effetti negattivi ta’ dawn l-atti komplew kibru għax saru arranġamenti finanzjarji mal-vittmi mingħajr ebda trasparenza.

Għalkemm irriżenja mill-Kulleġġ tal-Kardinali u kien sospiż ‘a divinis’ u mogħti direttiva li jgħix ħajja ta’ talb u penitenza maqtugħ min-nies, l-allegati atti kriminali għamlu ħsara kbira lill-integrità tal-ġerarkija u l-missjoni tal-Knisja u għalhekk immedjatament għandu  jitneħħa mill-kleru u jsir lajk, kif ġara ma’ numru ta’ qassisin oħra biex ikun hemm rikonċiljazzjoni  u fejqan fid-dawl tar-redenzjoni li Kristu rebaħ u wiegħed lil dawk kollha li jidinbu.  Il-ġustizzja titlob ukoll li dawk kollha fit-tmexxija tal-Knisja li kienu jafu bl-atti kriminali tal-ex Kardinal u ma għamlu xejn dwarhom, jinżammu responsabbli għal dak li naqsu li jagħmlu għax dan ġieb uġiegħ lil ħafna nies.

Id-djoċesi ta’ Fort Worth u jien għandna tolleranza zero għall-abbużi sesswali fuq il-minuri u l-adulti vulnerabbli meta dawn jitwettqu minn saċerdoti, voluntiera u ħaddiema tal-Knisja, inkluż jien innifsi bħala Isqof. Dan jidher ċar kemm mill-politika kif ukoll mill-azzjonijiet tagħna.  Fil-ħames snin li ili nservikom bħala Isqof mill-ewwel  ħadt azzjoni  mmedjata u neħħejt saċerdoti, djakni ħaddiema u voluntiera meta saru allegazzjonijiet kredibbli ta’ abbużi sesswali jew imġieba ħażina u dawn kienu ppruvati.

Is-seminaristi, il-qassisin, id-djakni, ħaddiema reliġjużi u lajċi ngħallmuhom kif jagħrfu u jirrappurtaw kull vjolazzjoni li jsiru jafu biha bla biża’ ta’ tpattija, ikun min ikun li wettaq l-abbuż.

Jekk jogħġobkom komplu itolbu għall-vittmi u l-familji tagħhom li sofrew minn dawn l-allegati atti kriminali u d-dnubiet tal-ex Kardinal MCCarrick u oħajn.  Itolbu wkoll biex naħdmu flimkien biex inwieġbu mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-azzjoni biex inwaqqfu atti oħra bħal dawn.

Jien nitlob għalikom u nitlobkom titolbu għalija, temm jgħid l-Isqof fl-ittra tiegħu.